L-Oppożizzjoni b'mozzjoni biex ikun rivedut ir-ruling tal-Ispeaker dwar Joseph Muscat

Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker Anglu Farrugia kien saħaq li l-Kumitat tal-Etika, fi ħdan il-Parlament, ma jistax ikompli jinvestiga lil Muscat għax issa ma għadux Deputat u għalhekk huwa ċittadin privat

L-Oppożizzjoni ppreżentat mozzjoni biex jiġi rivedut ir-ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia u li fih spjega kif ma tista' tittieħed l-ebda azzjoni fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta  ta struzzjonijiet biex l-eks Ministru Konrad Mizzi jinħatar konsulent mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

Fi stqarrija, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina u Carmelo Mifsud Bonnici insistew li l-aġir ta' Muscat huwa "abbuż ta’ poter u ksur tal-Kodiċi ta’ Etika."

Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker Anglu Farrugia kien saħaq li l-Kumitat tal-Etika, fi ħdan il-Parlament, ma jistax ikompli jinvestiga lil Muscat għax issa ma għadux Deputat u għalhekk huwa ċittadin privat.

"L-Oppożizzjoni temmen bis-sħiħ li r-ruling tal-Ispeaker iġib fix-xejn il-funzjonijiet, is-setgħat u l-obbligi tal-Kumitat Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika billi jrendih bla snien fil-konfront ta’ min, bħal Joseph Muscat, ikun instab ħati ta’ abbużi ta’ poter u ksur ta’ dmirijiet statutorji u etiċi," saħqet l-istqarrija.

Il-Kelliema insistew li r-ruling tal-Ispeaker ifisser li Membru Parlamentari jista’" jiżgiċċa faċilment" milli jerfa’ r-responsabbiltaijiet tal-abbuż li jwettaq meta huwa membru parlamentari.

"L-Oppożizzjoni qed tqis ir-ruling mogħti mill-Ispeaker bħala xhieda u konferma li fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament, qed tirrenja impunità istituzzjonalizzata li qed tikkawża ħsara kbira għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna," kompliet l-istqarrija.

Propju għalhekk li  l-Oppożizzjoni qed tinsisti li r-ruling tal-Ispeaker għandu jiġi rivedut mill-Parlament sabiex dan ikun skont il-kelma u l-ispirtu tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

More in Politika