Il-Kabinett jiddeċiedi; Vince Muscat mhux se jingħata l-Maħfra Presidenzjali

L-Avukat ta’ Muscat qed jakkuża lill-prosekuzzjoni li qed ittawwal il-proċess fl-interess ta' 'persuni prominenti' li għad iridu jissemmew b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia

Il-Kabinett ċaħad għal darb’oħra talba biex Vincent Muscat, magħruf bħala ‘il-Koħħu” jingħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u reati oħra.

Id-deċiżjoni ttieħdet nhar it-Tnejn, waqt laqgħa tal-Kabinett, meta l-Prim Ministru Robert Abela informa lill-Ministri li l-parir legali li ngħata huwa biex Muscat ma jingħatax il-maħfra.

L-Avukat ta’ Muscat, Marc Sant, kien akkuża lill-Ispettur Keith Arnaud u lil Kurt Zahra li qed itawwlu l-proċess apposta fl-interess ta’ “persuni terzi prominenti,” li għad iridu jissemmew b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.

Muscat kellu ħames sessjonijiet mal-Pulizija bejn Jannar u Frar tal-2020 li fihom żvela dettalji dwar diversi reati oħra li seħħew qabel il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-Koħħu issa saħansitra jrid lill-Kabinett kollu, mill-2017 sal-lum, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Chief of Staff Keith Schembru, biex jixhdu dwar it-talba tiegħu biex jingħata l-Maħfra Presidenzjali.

Muscat qed jinsisti wkoll li kien hu li lill-Pulizija qalilhom b’Melvin Theuma, l-intermedjarju, lura fl-2018.

Fil-fatt, meta l-allegat intermedjarju, kien ingħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak li jaf, Pauline Muscat, mart il-Koħħu, kienet tkellmet ma’ Reuters u saħqet li l-maħfra kellu jeħodha r-raġel tagħha għax kien hu li kixef dak li jaf u li għadda biżżejjed informazzjoni biex il-Pulizija setgħet tasal għall-arrest tal-istess Theuma u Yorgen Fenech.

L-akkużat, kien reġa’ għamel talba forma għall-Maħfra Presidenzjali meta Theuma u Yorgen Fenech ġew arrestati f’Novembru tal-2019.

Apparti minn hekk, avukat għall-familja Muscat kien saħansitra qal li l-Prim Ministru għandu jikkunsidra li ma jiħux sehem fid-deċiżjoni dwar il-Maħfra Presidenzjali, hekk kif kien ġie żvelat li hu kien avukat tal-aħwa Agius, li kienu ssemmew fil-Qorti bħala l-fornituri tal-bomba li qatlet lil Caruana Galizia. 

Jidher ukoll li l-Koħħu kien qal il-Pulizija, li politiku tal-Partit Laburista kellu sehem fis-serqa li kienet seħħet fl-2010 fuq il-kwartieri tal-HSBC

Ma jidhirx li l-Koħħu semma l-isem ta’ dan l-allegat politiku, iżda jidher li ta dettalji ta’ din is-serqa li hu kien involut fiha.

Din l-istqarrija kien imbuttaha ‘il quddiem id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi meta saħansitra kien qal li membru tal-Kabinett kien involut f’dan ir-reat.

More in Politika