Tnaqqis ta' 77% fl-industrija tat-TEFL b'52,000 inqas studenti sa Settembru 2020

Il-Kap Eżekuttiv tal-Feltom James Perry jgħid mal-ILLUM li jeħtieġ ikun hemm aktar ħidma biex jinbiegħ il-prodott li qed joffru l-iskejjel u jfaħħar il-bidliet li għamel il-Gvern fis-Suppliment tal-Pagi ...

Fl-ewwel disa' xhur tal-2020 - is-sena tal-pandemija Covid-19 - ġew Malta biss 15,000 turist għal skopijiet ta' tagħlim tal-Ingliż (TEFL).  Dan huwa tnaqqis qawwi ta' 77% jew 52,000 student inqas fl-ewwel disa' xhur tas-sena meta mqabbel mal-2019, f'liema sena kienu ġew Malta 67,000 student jitgħallmu l-Ingliż Malta. 

Dan jirriżulta minn rapport ta' Deloitte u l-Federazzjoni tal-Organizzazzjoni tat-Tagħlim tal-Ingliż f'Malta (Feltom) li jħares lejn dan is-settur illi kien fost l-agħar li ntlaqat bil-pandemija minħabba l-waqfien ta' vjaġġar u ajruporti li għalqu.  

Jekk wieħed iħares lejn iċ-ċifri f'dan ir-rapport, xahar b'xahar, jara illi għax xhur ta' April, Mejju u Ġunju - ix-xhur tal-ewwel mewġa tal-Covid-19 - in-numri kienu negliġibbli b'700 student b'kollox jiġu Malta f'dawn it-tliet xhur.  In-numri żdiedu ftit fit-tliet xhur tas-Sajf, għalkemm kif mistenni baqgħu ferm 'l bogħod minn numri tal-2019.  F'Lulju tal-2020 ġew Malta 2,700 student (2019: 15,500), f'Awwissu 2,800 student (2019: 7,600) u 1,000 f'Settembru (2019: 7,100). 

Jekk wieħed jara it-tnaqqis f'termini perċentwali jara kif it-tnaqqis fl-ewwel kwart tas-sena kien ta' 45%, jitla' għal 97% fit-tieni kwart u allura matul l-ewwel mewġa - bl'għeluq tal-ajruport - u tnaqqis ta' 79% matul ix-xhur tas-Sajf. 

Tnaqqis fil-ġimgħat  - żieda fit-tul tal-vaganza

Kif mistenni wkoll kien hemm tnaqqis fin-numri ta' ġimgħat li studenti tat-TEFL qattgħu f'pajjiża, fil-fatt fl-ewwel disa' xhur tal-2020 kien hemm tnaqqis globali u qawwi ta' 122,000 ġimgħa - minn 177,000 ġimgħa fl-2019 għal 55,000 fl-2020. 

L-akbar tnaqqis kien reġistrat f'Lulju meta l-istudenti qattgħu 7,300 ġimgħa (2019: 36,600 ġimgħa) u f'Awwissu meta l-istudenti qattgħu 7,500 ġimgħa (2019: 24,300 ġimgħa).  

L-unika aħbar tajba għal dan is-settur kien it-tul ta' żmien li l-istudenti kienu qagħdu hawnhekk.  Fil-fatt dan żdied sena għal sena, juri dan ir-rapport. 

'Bidliet pożittivi fis-Suppliment tal-paga' - James Perry

F'kummenti mal-gazzetta ILLUM il-Kap Eżekuttiv tal-Feltom James Perry sostna illi s-sitwazzjoni għall-iskejjel tal-Ingliż baqgħet dik li kienet, jiġifieri sitwazzjoni ħażina b'diversi skejjel ibatu.  Minkejja dan, Perry mill-ewwel jirrikonoxxi l-miżuri li ħa l-Gvern l-aktar il-Wage Supplement u jfaħħar ukoll il-mod kif din l-inizzjattiva ġiet midbula biex min kellu l-akbar telf, jieħu l-akbar suppliment. 

Fil-fatt il-Gvern ħabbar illi dawk in-negozji li raw tnaqqis ta' aktar minn 55% tax-xogħol/bejgħ se jibqgħu jieħdu s-suppliment sħiħ ta' €800 għal kull ħaddiem, kull xahar.  Dawk li tilfu bejn 45% u 54% se jieħdu suppliment ta' €640 għal kull ħaddiem.  Dawk li tilfu bejn 35% u 44% se jieħdu €480 kull ħaddiem għal kull xahar u  dawk li raw tnaqqis ta' bejn 25% u 34% se jieħdu s-Suppliment tal-Paga li tlaħħaq it-€320 għal kull ħaddiem.

Perry ifakkar lil din il-gazzetta li f'dan iż-żmien normalment kienu jiġu pajjiżna studenti Kolombjani u Brażiljani - fost oħrajn - li kienu jiġu għal ġimgħat sħaħ.  Dan is-settur din is-sena intilef ukoll hekk kif ħafna ajruporti huma magħluqin jew l-ivvjaġġar huwa ħafna iktar ristrett. 

Mistoqsi jekk hemmx negozji li waslu fix-xifer, Perry qal li ma jistax jgħaddi stqarrija ġenerali dwar is-settur kollu hekk kif kull skola topera b'mod differenti.  Sostna iżda illi xi kultant operaturi żgħar jistgħu jkunu aktar reżiljenti hekk kif l-ispejjeż tagħhom ikunu ħafna inqas. 

"Aħna wieħed mill-ftit pajjiżi li bqajna nilqgħu studenti u dan huwa tajjeb.  Huwa importanti għalhekk li fiż-żmien li ġej inkomplu nagħmlu ħilitna biex inbiegħu aħjar is-servizz li qed nagħtu ħalli nattiraw aktar studenti," temm jgħid Perry mal-ILLUM. 

More in Politika