L-NCPE ssejjaħ 'żvilupp storiku' d-diskussjoni dwar il-kwoti bħalissa fil-Parlament

Tibdil fil-Kostituzzjoni għal miżuri pożittivi li jiżguraw ugwaljanza fil-Parlament ...

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tilqa’ l-iżviluppi parlamentari li fil-prattika tgħid li se jwasslu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-isfera politika. L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kostituzzjoni ta’ Malta u Diversi Liġijiet (Emenda) li bħalissa jinsab fl-istadju tat-tieni qari, se “jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta biex jintroduċi miżuri pożittivi neċessarji u raġonevoli f’soċjetà demokratika sabiex tiżgura l-ugwaljanza de facto bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika u wkoll emendi fl-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali sabiex jiżdied in-numru ta’ kummissjonarji elettorali u jiżgura rappreżentanza ugwali bejn is-sessi." 

Il-mekkaniżmu mressaq mis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar jidħol fis-seħħ biss meta wieħed mis-sessi jikseb inqas minn 40% tas-siġġijiet parlamentari.  F’każ li jiġri hekk, dan il-mekkaniżmu jippermetti li jiżdiedu sa massimu ta’ 12-il siġġu addizzjonali, liema siġġijiet ikunu riservati għal kandidati mis-sess sotto-rappreżentat (preżentament in-nisa).

Ovvjament, dawn in-nisa jkunu kkontestaw l-elezzjoni iżda ma jkunux telgħu bil-proċess eżistenti.

"Din l-inizjattiva importanti hija żvilupp storiku," tispjega l-NCPE li tfakkar illi r-rappreżentanza tan-nisa fl-isfera politika lokali hija verament baxxa u persistenti .

 L-aħħar statistika tal-2020 turi li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti kienet biss ta’ 13.4% meta mqabbla ma’ 32.8% tal-medja Ewropea (UE 28).

More in Politika