Telf kbir ta' madwar 50% għall-operaturi ta' Tal-Linja

Sandro Vella mill-GWU jikkonferma illi l-MPT infurmathom b'telf 'akbar minn 50%' fl-2020  - ħaddiema mhux eliġibbli għas-suppliment tal-paga u madwar 60 part timer jispiċċaw bla dħul

Problemi finanzjarji kbar għat-Trasport Pubbliku minħabba l-pandemija
Problemi finanzjarji kbar għat-Trasport Pubbliku minħabba l-pandemija

Il-qagħda finanzjarja tat-trasport pubbliku - immexxi mill-Malta Public Transport - hija mwiegħra, bl-2020 tara tnaqqis kbir ħafna fid-dħul, minħabba tnaqqis kbir fil-passiġġiera.  Fil-fatt din il-gazzetta kienet infurmata li kien hemm tnaqqis ta' madwar 50% fid-dħul tal-kumpanija, bis-Segretarju tat-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella jikkonferma u saħansitra jgħid li d-dħul fl-2020 "naqas b'aktar minn 50% ".  Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda mwiegħra, hekk kif jidher illi eluf ta' nies għażlu li jżommu 'l bogħod mit-trasport pubbliku minħabba l-pandemija.  Dan minkejja li  - kif jikkonferma Vella wkoll - il-vetturi qed jiġu maħsulin u ffumigati kuljum u wara kull vjaġġ. 

Apparti dan, naturalment, it-trasport pubbliku ħa daqqa kbira oħra minħabba t-turiżmu, hekk kif proporzjon qawwi tat-turisti li jiġu Malta jużaw dan il-mezz ta' trasport, mhux karozza tal-kiri jew taxis, biex jivvjaġġaw bejn post u ieħor.  In-nuqqas kien evidenti f'rotot lejn Tas-Sliema u Buġibba, fost oħrajn. 

"L-aħħar diskussjonijiet li kellna mal-kumpanija kienu ftit tal-jiem ilu stess, wara li qalbet is-sena u s-sitwazzjoni għadha li kienet, ħażina. Kellha iktar minn 50% tnaqqis kemm fil-passiġġiera kif ukoll fi dħul," jispjega Vella mal-ILLUM. 

Minkejja diversi mistoqsijiet li din il-gazzetta bagħtet lill-kumpanija din għażlet li ma tweġibx. 

Intant Vella spjega kif minħabba n-nuqqas ta' xogħol madwar 60 part timer kellhom jitwaqqfu, bla paga u bla suppliment tal-paga tal-Gvern.  Fil-fatt ikkonferma wkoll informazzjoni li waslet għand din il-gazzetta minn xi ħaddiema, illi l-impjegati tal-ALESA lanqas biss kienu eliġibbli għas-suppliment tal-paga minħabba li l-kumpanija qed tieħu sussidji mill-Gvern. 

Is-Segretarju tal-GWU qal illi għal uħud minn dawn in-nies dan l-impjieg part time kien ix-xogħol primarju tagħhom.  Wara diskussjonijiet li saru bejn il-kumpanija, il-UĦM - li hija l-unjin rikonoxxuta fit-Trasport pubbliku - kif ukoll l-GWU, li għandha numru ta' ħaddiema membri, wħud minn dawn ingħataw flus mill-Gvern bħala suppliment tal-paga.  "Il-ftit li ħadu imma, irċevew madwar €300 għal sitt xhur," qal Vella b'ton ta' diżappunt. 

Vella qal li s-sitwazzjoni hija tali li xi xufiera rrappurtaw illi waqt l-aħħar ġimagħtejn tas-sena fi vjaġġ sħiħ kien jitla' passiġġier wieħed jew tnejn sa massimu ta' erbgħa.  "Ħlief filgħodu u fir-rush hours ta' filgħaxija, ftit li xejn hemm xogħol.  Kellna xufiera jirrapportaw illi f'ġurnata sħiħa kienu qed jagħmlu b'madwar €6 xogħol biss fuq ċerti rotot.  Daqshekk hija mwiegħra s-sitwazzjoni!" 

Huwa qal illi għalkemm qed isir minn kollox mill-kumpanija, ħafna nies għadhom qed jibżgħu jaqbdu tal-linja, inkluż eluf ta' anzjani li normalment jużawha. 

Temm ifaħħar ukoll lill-kumpanija talli qed tipprova tagħmel l-almu tagħha biex iżżomm lill-bqija tal-ħaddiema fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni ħażina, u fid-dawl ukoll tal-fatt li numru ta' ħaddiema tagħha minn pajjiżi terzi spiċċaw weħlu Malta u ma jistgħux imorru lura pajjiżhom minħabba restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar. 

Kif diġa' rrappurtat, din il-gazzetta bagħtet numru ta' mistoqsijiet lill-Malta Public Transport, inkluż dwar iċ-ċifra eżatta ta' telf li sofriet il-kumpanija fl-2020 u x'miżuri qed tieħu biex tissalvagwardja l-impjiegi għaż-żmien li ġej iżda kelliema qalet illi l-kumpanija ma tixtieqx tirreaġixxi f'dan l-istadju. 

L-MPT tirrispondi ....

F'reazzjoni , il-kumpanija, filwaqt li ma ċaħditx li kien hemm tnaqqis ta' madwar 50% fid-dħul, ċaħdet li s-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku, hija mwiegħra kif ġiet deskritta mill-uffiċjal tal-General Workers Union li tkellem ma' din il-gazzetta (aqra aktar 'il fuq.)

Il-kumpanija ċċarat ukoll li ħafna mill-ħaddiema part-timers li twaqqfu, kif b'mod korrett irrapportat il-gazzetta ILLUM, ġew impjegati lura aktar tard matul is-sena, għall-ħabta ta' Ottubru.

Din hija r-reazzjoni verbatim:

B’referenza għall-artiklu li deher fl-edizzjoni ta’ “Illum” tal-10 ta’ Jannar dwar it-trasport pubbliku, Malta Public Transport tiddisassoċja ruħha kompletament mill-artiklu, li hu ibbażat fuq numru ta’ allegazzjonijiet skoretti. Il-kumpanija b’dispjaċir tinnota li dan l-artiklu għamel ħsara lir-reputazzjoni tagħha. 

Wieħed jifhem li bħal ħafna kumpaniji, Malta Public Transport kellha timplimenta bosta miżuri biex issostni n-negozju u tissalvagwardja l-impjieg tal-ħaddiema kollha matul il-pandemija. Fil-fatt, grazzi għal dawn il-miżuri flimkien mas-sapport finanzjarju mill-gvern kif ukoll mill-grupp tal-kumpaniji, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija hija waħda stabbli.

Il-kumpanija hija kburija ħafna li kienet kapaċi tipprovdi servizz tat-trasport pubbliku sigur u bla interruzzjoni lill-eluf ta’ nies kuljum. Mhux veru li n-nies jibżgħu jużaw it-trasport pubbliku. Dan jidher ċar mill-fatt li matul il-maġġoranza tas-sena, waqt il-pandemija ġarrejna aktar minn 100,000 persuna kuljum bla periklu. Dan kien possibbli grazzi għall-appoġġ kollu mill-impjegati, mill-gvern, mill-passiġġiera u mingħand diversi entitajiet oħra.

Minkejja s-sitwazzjoni, il-kumpanija kompliet tgħolli l-istandard tat-trasport pubbliku b'investiment ta’ €12-il miljun f'50 karozza tal-linja ġdida fjamanta, flimkien ma' avvanzi oħra bħal Tallinja App aġġornata u ħlas mingħajr kuntatt fuq il-karozzi tal-linja biex toffri servizz ta’ kwalità ogħla lill-klijenti tagħna. Dan minbarra l-investiment li saru biex jilqaw għall-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, bħall-installazzjoni ta’ screens fil-kabina tax-xufier u diversi inizjattivi oħra għall-protezzjoni tal-impjegati tagħha. Żgur li dan l-investiment huwa xhieda biżżejjed li jikkontradixxi kompletament l-allegazzjonijiet magħmula fl-artikolu. Sfortunatament, l-informazzjoni li ngħatat minn Sandro Vella  m’hijiex korretta u Sandro Vella ma kien preżenti fl-ebda laqgħa ta’ diskussjoni mal-kumpanija dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

Il-kumpanija tibqa’ impenjata li tipprovdi servizz ta’ trasport pubbliku sigur u affidabbli f’Malta u Għawdex, u tistenna bil-ħerqa li tkompli taħdem ma’ kulħadd biex tippromwovi bidla modali għat-trasport pubbliku bħala parti mill-istrateġija ta’ Malta biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u titjieb l-arja ta’ madwarna.

More in Politika