Il-Ministru Chris Fearne jwiegħed li l-pubbliku inġenerali se jibda jingħata l-vaċċin fil-bidu ta' Mejju

Qal ukoll li jekk biżżejjed nies jieħdu l-vaċċin, sal-aħħar tas-sajf ikun hemm biżżejjed immunità fil-popolazzjoni biex inkunu nistgħu ngħidu li l-Covid-19 huwa xi ħaġa tal-passat

Il-pubbliku inġenerali, jiġifieri dawk li għandhom 55 sena jew inqas, mistennija jibdew jirċievu l-appuntamenti biex jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19 lejn l-aħħar ta’ April, bidu ta’ Mejju.

Ikkonferma dan il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’kummenti ma’ The Times of Malta.

Dan ifisser, insista d-Deputat Prim Ministru, li jekk biżżejjed nies jieħdu l-vaċċin, sal-aħħar tas-sajf ikun hemm biżżejjed immunità fil-popolazzjoni biex inkunu nistgħu ngħidu li l-Covid-19 huwa xi ħaġa tal-passat.

Qal ukoll li sal-aħħar ta’ Jannar, madwar 16,000 persuna se jkunu ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin.

Fil-fatt, sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-vaċċin se jkun offrut lil dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 85 sena, nofs il-ħaddiema kollha tas-saħħa u madwar 60% tar-residenti f’San Vinċenz de Paule.

Qal ukoll li ma’ dawn se jkun hemm ukoll numri ta’ persuni li se jkunu ħadu wkoll it-tieni doża tal-vaċċin, biex hekk, sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, 20,000 persuna se jkunu tlaqqmu.

Fi Frar, se jkunu tlaqqmu l-frontliners kollha u anke l-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 80 sena. Warajhom imbagħad jibdew jitlaqqmu dawk li jbatu minn mard kroniku, l-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 70 sena u l-istaff fl-iskejjel u ċ-ċentri tal-kura tat-tfal.

Fearne qal ukoll li sal-aħħar tax-xahar, Malta se tkun qed tirċievi 32,000 doża tal-vaċċin ta’ Pfizer. Insista li l-ammont allokat għal Malta reġa’ żdied minn 600,000 għal 670,000 doża.

Mistoqsi dwar il-kritika tat-tobba, li t-tilqim miexi bilmod, il-Ministru Fearne spjega kif il-pjan bħalissa huwa li Malta tamministra 5,000 doża, jew ftit aktar, fil-ġimgħa.

Aqra wkoll: 'Biex neħilsu mill-pandemija f'ħames xhur irridu nlaqqmu aktar minn 26,000 persuna fil-ġimgħa' - it-tobba

Fakkar ukoll li apparti l-vaċċin ta’ Pfizer, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina mistennija tapprova l-vaċċin ta’ Moderna dalwaqt.

Jekk dan iseħħ, mill-ġimgħa d-dieħla jibdew jaslu 100,000 doża oħra.

“Aktar ma jkollna dożi f’idejna, aktar se nlaqqmu nies,” insista l-Ministru.

More in Politika