Il-Korp tal-Pulizija ċaħad storja ippubbliklata ilbieraħ fuq The Sunday Times of Malta li kienet tgħid illi investigazzjoni dwar il-Kap tad-Dipartiment tat-Taxxa Marvin Gaerty tinsab wieqfa minħabba li l-Pulizija qed jistennew lill-Prim Ministru jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex jinfetaħ għall-investigazzjoni dak kollu li hemm fuq il-mowbajl tal-istess Gaerty.
Il-Pulizija fi stqarrija qalet li saru "asserzjonijiet" li m'humiex korretti.
"M’huwiex minnu li l-pulizija teħtieġ xi awtorizazzjoni mill-Prim Ministru biex tikseb jew tanalizza mobile phone u apparat teknoloġiku ieħor. L-investigazzjoni tal-Pulizija li qed ssir referenza għaliha f’dan ir-rapport ilha miexja bla tfixkil, anke bis-sehem ta’ Maġistrat inkwirenti."
L-istqarrija ttemm tgħid li talbiet li saru skont il-liġijiet tat-taxxa m’għandhomx x’jaqsmu ma’ dak indikat f’partijiet tar- rapport imsemmi.
Ir-rapport tal-bieraħ kien jgħid li jekk toħroġ informazzjoni minn dan il-mowbajl tinfetaħ il-kaxxa ta' pandora u kien implikat li hemm rekords ta' diskurstata li l-Prim Minitru allegatament kellu ma' Gaerty dwar l-istorja żvelata mill-gazzetta ILLUM dwar taxxa li l-Kap tal-PN (dak iż-żmien kandidat għall-kariga li għandu llum) ma kienx ħallas għal snin twal.