Titnieda diskussjoni dwar id-dritt li l-ħaddiem jaqta' kuntatt mix-xogħol wara l-ħinijiet tax-xogħol, magħrufa bħala "Right to Disconnect", bl-iskop li tibda konsultazzjoni pubblika.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li dan il-kunċett għandu jassigura bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. “L-isfida li għandna quddiemna llum, mhijiex jekk għandniex nirrikonoxxu r-Right to Disconnect – li dalwaqt ser ikollna liġi Ewropea dwaru – iżda b’liema mudell se nkunu qed nagħmlu dan sabiex nilħqu bilanċ li jagħmel sens għal pajjiżna,” saħaq Dr Ellul.
Hu qal li jrid jisma direttament mill-ħaddiema, minn iħaddem, l-imsieħba soċjali u l-familji sabiex ikun hemm qafas "adattat għar-realtajiet lokali." Ellul għamel talba lill-MCESD sabiex din it-tema tiġi diskussa fl-immedjat bħala l-ewwel pass lejn djalogu soċjali strutturat fuq kif din il-miżura tista' tiġi introdotta b'modd li tibbenefika lil kulħadd.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg kienet ukoll preżenti għal din il-konferenza fejn qalet, "Bħala pajjiż modern u Ewropew, nemmen li Malta għandha ssegwi u timxi fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dan id-dritt, kif ukoll fuq diversi direttivi u liġijiet Ewropej li, għalkemm ma jinkludux referenza diretta għar-Right to Disconnect, huma kollha intiżi biex jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, kif ukoll id-dritt għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja,”
Din il-konferenza saret ġurnata wara Andy Ellul kien mistieden fuq il-programm Xtra fejn ġiet diskussa l-proposta tal-'Four Day Work Week', u Ellul enfassiza l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali u qal li din il-proposta wkoll qed tiġi diskussa internament.