Il-Gvern iħabbar it-tema tal-baġit 2026: ekonomija b’saħħitha, futur għal uliedna

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana enfasizzaw li t-tema tirrappreżenta l-impenn tal-gvern biex jassigura qawmien ekonomiku, investiment fil-familji, u futur sostenibbli għal Malta u Għawdex

Il-gvern se jippreżenta nhar it-Tnejn il-Baġit 2026 fil-Parlament, taħt it-tema “Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna”. Il-baġit, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, huwa ffukat fuq il-qawmien ekonomiku u l-appoġġ dirett għall-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, spjega li l-Baġit se jkompli jinvesti fi familji, ħaddiema, żgħażagħ u pensjonanti, bħala parti minn viżjoni biex il-pajjiż ikollu ekonomija b’saħħitha li toffri futur sostenibbli u opportunitajiet ġodda għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Il-Prim Ministru Abela tenna li meta l-ekonomija tkun b’saħħitha, l-istabbiltà u l-benefiċċji jaslu direttament għal kulħadd, u li dak li ġie mkabbar flimkien matul is-snin se jkun il-pedament tal-progress fil-futur. “Dak li ksibna flimkien se jkun il-pedament tal-progress tal-futur,” qal il-Prim Ministru, filwaqt li enfasizza li l-Baġit 2026 se jkompli jagħmel futur sabiħ għal ulied Malta.

Il-Baġit 2026 mistenni jinkludi miżuri li jsaħħu l-ekonomija lokali, joffru opportunitajiet ta’ xogħol ġodda, u jżommu l-appoġġ għal dawk li għandhom bżonn l-għajnuna. B’dan il-mod, il-gvern juri l-impenn tiegħu li joħloq ambjent sostenibbli u prosperu fejn il-familji jistgħu jgawdu minn kwalità ta’ ħajja mtejba u sigurta’ finanzjarja.

 

More in Politika