Is-segretarja Eżekuttiv ta’ Nisa Laburisti tirreżenja fuq diżgwid rigward id-direzzjoni tal-partit
Dan l-aħħar, Jennifer Tabone kienet fil-mira ta' Neville Gafa, li huwa persuna ta’ fiduċja fl-OPM

More in Politika
Dan l-aħħar, Jennifer Tabone kienet fil-mira ta' Neville Gafa, li huwa persuna ta’ fiduċja fl-OPM
Jennifer Tabone, li sa ftit ilu kienet isservi bħala segretarja eżekuttiv ta’ Nisa Laburisti, irreżenjat mill-kariga tagħha nhar l-Erbgħa, wara li esprimiet diżgwid mad-direzzjoni li qed jieħu l-Partit Laburista, skont il-gazzetta oħt, Malta Today.
Is-sorsi fil-Partit Laburista kkonfermaw li Tabone għarrafet lill-amministrazzjoni tal-partit li ma taqbilx mal-linja li qed isegwi l-partit fuq diversi kwistjonijiet politiċi u soċjali. Tabone, li kienet ilha attivista Laburista tul ħajjitha u ħadmet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qabel l-2017, kienet riċentement fil-mira ta’ kritika ħarxa minn Neville Gafà.
Il-kontroversja qamet wara li Nisa Laburisti ħarġu stqarrija qawwija kontra d-deċiżjoni tad-Deputat Prim Ministru Ian Borg li jinnomina lill-eks President Amerikan Donald Trump għall-Premju Nobel għall-Paċi. Fl-istqarrija tagħhom, Nisa Laburisti qalu li ma jistgħux jifhmu kif xi ħadd jista’ jiftaħar bil-paċi meta l-azzjonijiet tiegħu jħallu warajhom firda kbira “mmexxija mir-razziżmu, klassiżmu, miżoġinija"
Neville Gafà, li fis-sajf li għadda ngħata kariga ta’ fiduċja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jokkupa ruħu bix-xogħol tal-customer care, attakka pubblikament lil Tabone u lil Nisa Laburisti għall-pożizzjoni tagħhom. Huwa wkoll jagħmel xogħol ta’ customer care mill-istess bini tal-Partit Laburista fil-Ħamrun.
Gafà ilu jattira kritika kontinwa minħabba l-kummenti tiegħu fuq Daphne Caruana Galizia, fosthom meta sejħilha “saħħara” u l-kampanja tiegħu biex il-Parlament Ewropew jerġa’ jiddiskuti d-deċiżjoni li jsejjaħ sala f’isimha.
Għalkemm il-Prim Ministru Robert Abela ddistakka lill-gvern tiegħu mill-kliem u l-azzjonijiet ta’ Gafà, s’issa ma kkundannahx personalment minkejja l-kontroversji ripetuti li qed ipoġġu lill-gvern f’dawl negattiv.