'Kull ġurnata li l-PM jżomm lil Rosianne Cutajar ikun qed jappoġġjaha u jagħtiha l-protezzjoni' - Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jisħaq illi huwa intuli li jsiru liġijiet li jgħabbu lis-settur finanzjarju b'piżijiet minħabba l-Moneyval biex imbagħad - skont hu - "nibqgħu ċassi quddiem politiċi li jonqsu"

Bernard Grech
Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna illi kull ġurnata li l-Prim Ministru jżomm lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar fil-kariga, wara l-iżviluppi tal-aħħar jiem, "ikun qed jagħtiha l-kunsens, l-appoġġ u l-protezzjoni politiku tiegħu."

Cutajar spiċċat f'nofs kontroversja wara li kien żvelat illi kienet sensara fil-każ ta' bejgħ ta' propjetà fl-Imdina għall-Yorgen Fenech meta kien diġa' pubbliku l-fatt li dan kien sid ta' 17 Black.  Cutajar għandha diversi skambji ta' messaġġi fuq il-Whatssapp ma' Fenech matul l-2019.  Kien allegat li ta' din is-senserija Cutajar ħadet mas-€46,000 mingħand is-sid wara li kien iffirmat il-konvenju, liema flus is-sid qed jgħid li ma nagħatawx lilu lura wara li waqa' l-konvenzju hekk kif Fenech kien arrestat. 

Cutajar ċaħdet illi qatt ħadet dawn il-flus.  L-avukat  tas-sid tal-proprjetà fl-Imdina - li mbagħad xorta kien biegħ il-proprjetà lil Ray Fenech - huwa r-raġel ta' Abigail Lofaro li hija membru fuq il-Bord ta' Inkjesta li qed tistħarreġ jekk il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia setgħax kien evitat mill-Istat. 

Il-Kap Nazzjonalista qal li huwa inutli li jsiru l-liġijiet "u ngħakksu lis-settur finanzjarju u ngħabbuhom b'regoli minħabba r-rapport tal-Moneyval biex imbagħad meta politiċi jonqsu nibqgħu ċassi nħarsu lejhom."

More in Politika