'Hawn ħafna entużjażmu fil-PN għax ħafna qed jaraw lill-partit idawwar ir-riżultati favurih'

Għadu relattivament ġdid fil-politika.  Karkariż, għalliem u kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.  Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Justin Schembri dwar il-PN, l-edukazzjoni, Birkirkara, l-immigrazzjoni u aktar ...

Il-PN qiegħed minn taħt bħala numri.  Dan jixduh l-elezzjonijiet kollha mill-2009 sal-2019 u anke s-sondaġġi.  Fit-toroq, każini, pjazez u anke fid-djar tħoss dan is-sentiment?  Tħoss qtigħ il-qalb fost ħafna votanti Nazzjonalisti? 

In-numri tal-istatistika qatt ma jigdbu, imma mhux dejjem juru stampa perfetta. Is-sentimenti tan-nies huma varji. Nemmen li hawn ħafna entużjażmu fil-Partit Nazzjonalista għall-bidla fit-tmexxija għaliex ħafna qed jaraw il-possibbiltà li l-Partit jibda jdawwar ir-riżultati favurih. Irridu nagħtu kas ukoll ta’ dawk li llum ma jħossuhomx komdi fil-Partit Nazzjonalista.

Birkirkara, fejn tgħix int, hija lokalità tradizzjonalment Nazzjonalista li fl-aħħar snin xeqilbet il-vot għall-Partit Laburista (fil-Kunsilli).  Issa Birkirkara hija lokalità fejn jgħixu ħafna familji ħaddiema li jaqilgħuha u jikluha, bħal Ħal Qormi, Ħaż Żebbuġ u ħafna postijiet oħrajn.  Taħseb li t-telf fuq Birkirkara huwa sintomu ta' partit li nqata' mill-għeruq tiegħu fost il-ħaddiema? 

Le ma naqbilx ma’ din l-asserzjoni għalkollox għaliex il-Partit Nazzjonalista huwa l-Partit li kontinwament jitkellem u jipproponi favur in-nies irrispettivament mil-liema klassi tas-soċjetà ġejjin. Madankollu, kien hemm deċiżjonijiet fil-passat li ma kinux daqstant favorevoli u allura llum qed iħallas il-prezz ta’ dawk id-deċiżjonijiet li mbagħad ħa vantaġġ minnhom il-Partit Laburista bħall-kwistjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Li nista’ ngħid huwa li jien bħala Minority Leader, flimkien ma’ sħabi l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista qed naħdmu bis-sħiħ u b’konvinzjoni għall-ġid tal-lokalità u tar-residenti Karkariżi kollha, u ma għandix dubju li dan se jrebbaħ lura l-maġġoranza lill-Partit Nazzjonalista ’l quddiem. Illum qed nuru kemm aħna propożittivi, attivi u enerġetiċi biex intejbu l-lokalità u l-ħajja tan-nies, u n-nies qed tirrikonoxxi l-ħidma tagħna.

Inti għalliem.  Kien hemm ħafna għagħa u biża' qabel fetħu l-iskejjel minħabba l-Covid-19.  Iżda l-iskejjel fetħu u minkejja xi każijiet inevitabbli, ftit li xejn kien hemm problemi.  Kien hemm mal-200 każ pożittiv minn popolazzjoni studenteska ta' 45,000.  Allura dan mhux suċċess?

Din ir-risposta mhux se nagħtiha jien għaliex il-fatt li Owen Bonnici tneħħa minn Ministru tal-Edukazzjoni wara biss għaxar xhur li nħatar hi ċara biżżejjed għal kulħadd. Bħal f’setturi oħra tat-turiżmu u tal-anzjani, il-Gvern falla. Irrid nibda mill-premura li l-edukazzjoni hija dritt tat-tfal kollha, bla eċċezzjoni. Sfortunatament illum, mhux minħabba l-pandemija imma minħabba nuqqas ta’ ppjanar professjonali (li kellu jsir minn Marzu sa Settembru) għad għandna attendenzi baxxi ħafna speċjalment fil-primarji, u ma jienx konvint li dawn qed jintlaħqu u allura qed ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom, u dan ċertament huwa falliment u mhux suċċess. F’dan il-pajjiż, ma nistgħux naffordjaw li nħallu t-tfal warajna f’sistema edukattiva li qed tħallina ma’ tal-aħħar fl-istatistika tal-Unjoni Ewropea. Hawnhekk il-Ministeru tal-Edukazzjoni naqas għalkollox, u għad irridu naraw dan l-impatt sever fl-għaxar snin li ġejjin. Il-każijiet fl-iskejjel ma humiex allarmanti, ġeneralment għall-miżuri li ttieħdu u dan huwa inkoraġġanti. Hija ħasra li kellha tkun pandemija biex naraw skejjel aktar organizzati u aktar indaf.

II-unjins tal-għalliema din l-aħħar sena kienu f'diversi tilwimiet mal-Gvern.  Fejn tara li huma l-problemi tal-għalliema u l-edukazzjoni bħalissa?  U inti, bħala kandidat, x'qed tagħmel biex il-PN ikollu xi forma ta' policy ċara f'dan is-settur?

Il-kawża tal-unions, ġeneralment kienet dejjem ġusta. It-tilwim industrijali jikkonferma biss li l-Gvern ma kienx dejjem qiegħed jonora l-importanza tal-konsultazzjoni. Eżempju ta’ dan, meta l-Gvern ħabbar il-politika għall-ftuħ tal-iskejjel, il-MUT insistiet li l-Gvern ma kienx għadu kkonsulta magħha, tant li kellu jiftaħ is-sena skolastika aktar tard minn meta kien pjanat. Din l-inkompetenza jew arroganza ma tagħmilx ġieħ lill-edukazzjoni. L-edukazzjoni għandha ħafna, ħafna diffikultajiet, u l-aktar waħda inkwetanti tibqa’ dejjem dik marbuta mal-ingaġġ tal-għalliema, għaliex il-Gvern biex sab għalliem għal kull klassi kellu jnaqqas minn dawk il-professjonisti li kienu qed jagħtu servizz importanti fil-qasam. Nafu li ħafna għalliema parapatetiċi llum qegħdin fil-klassi, l-istess bħal għalliema oħra li jgħallmu suġġetti tal-arti. Dan jikkonferma falliment. Fir-rigward ta’ policy, il-ħidma tiegħi flimkien mad-Deputat Clyde Puli hija waħda kontinwa sabiex inħejju mod kif nippreżentaw viżjoni li televa l-qasam tal-edukazzjoni billi, fl-opinjoni tiegħi, tkun ibbażata fuq tliet prinċipji: edukazzjoni inklussiva, edukazzjoni ta’ kwalità, u edukazzjoni prattika. 

Inti kont ikkritikat - fosthom minn Deputati Nazzjonalisti stess - għaliex faħħart lil Matteo Salvini fuq il-pożizzjoni li ħa fuq l-immigrazzjoni.  Allura inti taqbel mal-kunċett li aħna full up?  U x'temmen li għandu jsir differenti milli qed isir?  Tħoss li l-immigrazzjoni hija problema fost l-elettorat?

Nemmen li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni hija waħda li toffri diversi problemi u sfidi u għalhekk hija problema fost l-elettorat, speċjalment dawk milquta direttament. Sfortunatament bħala pajjiż ma aħniex nagħtu wisq importanza lil min indaħħlu fil-pajjiż u x’kontribut jista’ jagħti, u din mhijiex biss marbuta mal-immigrazzjoni irregolari imma anke l-importazzjoni ta’ barranin li qed jinġiebu mill-Gvern biex iddur ir-rota ekonomika. Din hija politika żbaljata u bla viżjoni. Minkejja dan, nifhem u nirrikonoxxi li pajjiżna ma jistax ikampa mingħajr ammonti meqjusa ta’ barranin minħabba l-limitazzjonijiet tal-pajjiż. Fir-rigward tal-immigrazzjoni illegali, definittivament ma nistgħux insolvu l-problema Ewropea aħna, imma nemmen li rridu nkunu sodi u deċiżivi biex dan it-traffikar u l-isfruttar ta’ nies vulnerabbli jieqaf. 

Bħala politiku inti tikkunsidra lilek innifsek bħala liberali jew konservattiv?  Il-Kap Nazzjonalista ħabbar li jaqbel li l-perjodu sakemm koppja tieħu d-divorzju għandu jonqos.  Inti taqbel?  U mal-ewtanasja taqbel jew le?

Fid-dinja politika tal-lum, la tista’ tkun liberali għalkollox u lanqas konservattiv għalkollox, imma trid tagħraf li l-bilanċ huwa importanti sabiex tkun rappreżentattiv kemm jista’ jkun. Madankollu fil-Partit għandu jkun hemm opinjonijiet diverġenti u differenti biex jasal għall-politika tiegħu. Rigward id-divorzju, naħseb li llum qed nirrealizzaw li hemm x’jista’ jitranġa u għandna l-obbligu li nipproponu emendi biex issir ġustizzja aħjar ma’ dawk li sal-lum, il-liġi attwali mhix ġusta biżżejjed għalihom u magħhom. Għandi nifhem li d-dibattitu dwar l-ewtanasja għadu fl-infanzja tiegħu u nemmen li hemm bżonn aktar diskussjonijiet għaliex hemm ċirkostanzi fejn min qed jitkellem favur mill-esperjenza, irid ukoll jingħata l-attenzjoni, u dak huwa l-obbligu tal-politiku. 

Il-PN għandu ċans inaqqas id-distakk elettorali?  U inti taħseb li għandek ċans tkun elett, b'nies bħal Beppe Fenech Adami u Adrian Delia fuq il-biljett Nazzjonalista fl-istess distrett?

Ma ngħidx għandux ċans jew le, imma nemmen li jekk l-elezzjoni tkun imsejħa fi żmienha, il-Partit Nazzjonalista jkollu ċ-ċansijiet tiegħu wkoll, dan dejjem fid-dawl li l-Partit Laburista ta’ Robert Abela mhuwiex qiegħed jappella biżżejjed għall-bidliet li jistenna minnu l-pajjiż. Fuq livell personali, qed ninnota kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed ikompli jiġġedded u qed jagħti aktar spazju u opportunitajiet lill-kandidati ġodda, l-aktar lil dawk li kellhom vot tajjeb fl-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali li għaddew, u oħrajn li jistgħu jġibu enerġija ġdida lill-Partit. Il-Partit Nazzjonalista għandu ġenerazzjoni tad-deheb tielgħa u jeħtieġlu jrawwimha u jagħtiha kull spazju u opportunità. Għalhekk, il-ħidma tiegħi fost il-votanti tad-distrett matul dawn l-aħħar seba’ snin flimkien mal-ħidma fuq livell lokali bħala Minority Leader f’Birkirkara tista’ tissarraf f’fiduċja fl-elezzjoni ġenerali li jmiss jekk il-poplu jidhirlu hekk. Il-ġudizzju huwa dejjem tal-poplu. Sadanittant, jiena niffoka fuq l-elettorat u l-ħteġijiet tiegħu aktar milli fuq min ser u jista’ jikkontesta għax jien fid-dover li nservi.

Tidħol f'dar ta' familja u l-missier jgħidlek li t-tifel ma jistax isib xogħol għax tilef l-impjieg waqt il-pandemija.  Jitolbok tgħinu jsib xogħol.  X'tagħmel? 

Sfortunatament din qed tkun ħaġa spissa li nitlaqa’ ma’ familji li ġew milquta ħażin f’din il-pandemija u qed ibatu fis-skiet. Id-dħul naqas għal bosta u saħansitra hemm ukoll nies li tilfu l-impjieg tagħhom, u għaldaqstant ħafna jinsabu inkwetati u ddisprati għax ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja.   Jien dħalt fil-politka bl-għan li ngħin lin-nies, u f’sitwazzjonijiet fejn niltaqa’ ma’ nies f’din is-sitwazzjoni u jitolbuni l-għajnuna, nagħmel kulma nista’ u dan grazzi għall-appoġġ u l-ġenoriżità li nsib mingħand nies oħra.   L-akbar weġgħa tkun meta ssib quddiemek nies li ma tkunx tista’ tgħinhom kemm tixtieq għax il-problema tkun ‘beyond my reach’.  Kull min jidħol fid-djar bħali, jifhem kemm il-pandemija qed tħalli impatt drastiku li forsi mhux dejjem jidher ma’ min mhux milqut.

X'inhu l-ġudizzju tiegħek ta' Bernard Grech fl-ewwel xaharejn tat-tmexxija tiegħu?

Is-sinjali bikrin huma pożittivi, anke kif jidher fis-sondaġġi. Inħoss li l-Partit Nazzjonalista jista’ biss javvanza ’l quddiem jekk ikompli jiġġedded biex jibda paġna ġdida li tant hija mistennija mill-elettorat. 

 

More in Politika