Konrad Mizzi ma jitlax jixhed fil-każ tal-VGH għax jgħid li kellu sintomi tal-Covid-19

Ikompli l-każ li kien fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni biex ikun iddikjarat null il-kuntratt mal-VGH 

L-eks Konrad Mizzi
L-eks Konrad Mizzi

L-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi ma telax jixhed fil-każ miftuħ mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar il-VGH wara li qal lill-Qorti illi kellu sintomi tal-Covid-19 u allura kellu jmur jagħmel test. 

Illum kompla l-każ miftuħ minn Delia illi fih qed jitlob li l-kuntratt li l-Gvern kien iffirma mal-VGH biex tliet sptarijiet pubbliċi għaddew għand din il-kumpanija kontroversjali jkun iddikjarat null.  Il-VGH waqfet l-operazzjoni tagħha u biegħet il-konċessjoni hi stess minħabba problemi finanzjarji, tant li la kienet qed tħallas lill-kuntratturi u lanqas lill-ħaddiema u lanqas kienet qed tmexxi 'l quddiem il-proġett, minkejja finanzjar pubbliku qawwi. 

L-Ultimate Beneficiary Owner tal-Vitals Global Healthcare, li ma kellha ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa, qatt ma kien magħruf b'dettalji ta' memorandum of understanding joħorġu iktar tard li juru illi dan il-ftehim sar qabel biss kienu saru ir-Rikjesti għall-Proposti għall-proċess tat-tendering li VGH kienet rebħet. 

Ram Tumuluri, kien il-wiċċ tal-VGH f'Malta u l-gazzetta ILLUM kienet żvelat kif dan ukoll qatt ma kellu esperjenza fil-qasam tas-saħħa u li - agħar minn hekk - kien instab ħati mill-Qorti tal-British Columbia fil-Kanada li seraq flus ta' klijenti tal-lukanda li kien imexxi (Nikita Lake Lodge). 

More in Politika