Priġunieri marbutin u għarwenin ma' siġġu bħala kastig

... kien biss din is-sena mal-bidla fil-Ministru li ingħatat ordni biex dan is-siġġu jitneħħa mill-Ħabs ta' Kordin

Il-gazzetta ILLUM tista' tikkonferma li fil-Ħabs - bħala wieħed mill-mezzi ta' kastigi sa ftit xhur ilu biss kien jintuża siġġu li fuqu jintrabtu priġuniera, xi minn daqqiet għarwenin u xi kultant b'xi investa f'rashom.  Dan kien isir bħala kastig, magħmul biex jumilja lill-priġunier u sorsi ta' min joqgħod fuqhom qalu lil din il-gazzetta illi dan is-siġġu intuża minn tal-inqas darba ma' priġunier. 

Il-gazzetta ILLUM tista' tiżvela wkoll li dan is-siġġu tal-umiljazzjoni tħalla fil-kurituri tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin sakemm kien hemm bidla fil-Ministru iktar kmieni din is-sena stess.  Kien il-Ministru Byron Camilleri li talab illi dan is-siġġu jitneħħa, qalu s-sorsi ta' din il-gazzetta.

Intant mal-ILLUM qalu wkoll li ġieli l-priġuniera jintefgħu fiċ-ċelel ma' sħabhom għarwenin.  Dwar dan iżda sorsi oħrajn qalu illi ħafna drabi priġunieri li jitħallew għarwenin għal ftit ħin ikun minħabba li l-awtoritajiet tal-ħabs jikkunsidraw lil dawn bħala theddida fuq ħajjithom stess u allura jitneħħewlhom il-ħwejjeġ f'każ li jippruvaw jużawhom biex jagħmlu suwiċidju. 

Il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin reġgħet spiċċat fuq fomm bosta, hekk kif żgħażugħ mill-Pakistan li kien inqabad juża dokumenti foloz instab mejjet fiċ-ċella tiegħu.  Huwa kien il-11-il persuna li mietet fl-aħħar sentejn u nofs, jiġifieri kemm ilu Direttur tal-Faċilità Alex Dalli. 
Iktar tard, minn awtopsja li saret mit-tobba mqabbdin mill-awtoritajiet tal-ħabs, irriżulta li dan l-aħħar żagħżugħ miet minħabba problemi fil-qalb. 

Dalli xorta kien ikkritikat bil-qawwi inkluż mill-Kamra tal-Avukati wara allegat indħil u intimidazzjoni tal-istess Dalli fuq Charles Mercieca, l-avukat ta' Yorgen Fenech, waqt li dan kellu laqgħa mal-klijent tiegħu. 

Il-Kamra tal-Avukati qalu illi Dalli beda jitkellem pastaż u jinsisti li Mercieca ma setax ikollu dokumenti fuqu waqt il-laqgħa ma' Fenech.  Minkejja li l-avukati spjegaw għalfejn dawk id-dokumenti kienu neċessarji , Dalli baqa' jinsisti u jgħajjat f'liema punt qamet kommossjoni bid-Direttur allegatament isabbat u jidgħi. 

It-tim tad-difiża qal illi Dalli kien imdawwar b'ħames gwardjani tal-ħabs u, skont huma  qal li jiġi "ala żo**i minn kulħadd.  Niġi ala żo**i mill-Qorti.  Hawnhekk tiegħi u jien nikkmanda u kulħadd irid jobdini!"  

Ħabs iffullat

Intant is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM ikkonfermaw li fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin hemm problema kbira ta' ffullar hekk kif il-popolazzjoni hija ta' madwar 900 priġunier meta l-infrastruttura hija magħmula biex tlaħħaq għal madwar 500 persuna. 
Biss, biss bħalissa hemm madwar 200 priġunier li jinsabu arrestati minħabba li kienu f'Malta b'dokumenti foloz.  

Għal dan il-għan jidher li se jkun hemm espansjoni tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fiż-żona tal-madwar fiż-żmien li ġej. 

Jiżdiedu b'75% il-professjonisti fil-Faċilità 

Intant minn aspett pożittiv fl-aħħar seba' snin żdiedu b’iktar minn 75% l-professjonisti li jaħdmu fil-Faċilità.
Fost oħrajn ġew ingaġġati tliett tobba Maltin kif ukoll tmien infermiera Maltin.  Ġie impjegat psikjatra kif ukoll tabiba full time ġewwa l-Forensic Unit

Bdew jingħataw ukoll servizzi -  għall-ewwel darba bħal Infection Disease Control u Podjatrija fil-Medical Room (clinic) li hemm ġewwa l-Ħabs. 

Hu stmat li l-iskorti lejn l-isptar Mater Dei minħabba dawn is-servizzi tnaqqsu b'120 fix-xahar.

Bħalissa, tinsab infurmata l-gazzetta ILLUM, qed isir awditjar tas-saħħa tal-priġunieiri kollha li jiddaħħlu l-Ħabs, kull sitt xhur. 

 

 

More in Politika