Sondaġġ fost studenti tas-sekondarja juri li 53% jemmnu li m'aħniex inżommu lil Malta nadifa biżżejjed

Sondaġġ fost 250 student tal-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel fil-Kulleġġ ta' Santa Tereża juri illi ħafna studenti ma jużawx basktijiet tal-plastik li jintremew wara darba

Fil-Ġimgħa Ewropea għall-Immaniġġjar u t-tnaqqis tal-Iskart (mill-21 sad-29 ta’ Novembru), il-Kunsill tal-Istudenti tal-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel fil-Kulleġġ ta’ Santa Tereża, staqsew lil 250 student u studenta ta’ bejn it-13 u l-15-il sena biex jevalwaw x’għarfien għandhom dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Staqsewhom jekk jaħsbux li f’Malta għandna problema bl-iskart mormi barra, u 92% jaħsbu li iva.

53% jemmnu li bħala pajjiż ma aħniex nagħmlu biżżejjed biex inżommu lil Malta nadifa.

Talbuhom jgħidu jekk jafux x’inhu skart inviżibbli, u rriżulta li 64% ma jafux x’inhu. Riedu jkunu jafu x’jaħsbu dwar jekk il-prodotti elettroniċi l-ġodda jiġux b’ħafna ppakkjar żejjed li jista’ jkun evitat, u 65% qalu li iva, hekk jaħsbu.

Imbagħad staqsew ukoll kemm minnhom jużaw basket tax-xiri li jista’ jerġa’ jintuża, u kien innutat li 90% ma jużawx basktijiet tal-plastik li jintremew wara darba, u allura matul iż-żmien qabdet tinbidel il-mentalità. Staqsew dwar l-iskart mormi fl-ambjent, u 94% jemmnu li l-plastik huwa l-aktar skart komuni, imma 92% jemmnu wkoll li l-fdalijiet tas-sigaretti qed iħammġu daqstant ieħor. Minn ftit riċerka li għamlu rriżulta li hemm problema ħafna akbar bil-plastik għaliex idum sa 1,000 sena biex jiddekomponi, filwaqt li l-fdalijiet tas-sigaretti jdumu biss 12-il sena. Interessanti l-fatt li l-ħġieġ ma jiddekomponi qatt!

Staqsew dwar liema skart jaħsbu li jagħmel l-aktar ħsara meta mormi fl-ambjent, u 94% jqisu l-plastik bħala l-akbar problema. 66% tal-istudenti tal-iskola qatt ma ħadu sehem f’attività ta’ tindif pubbliku, imma 69% jgħidu li jifhmu sewwa fl-immaniġġjar tal-iskart.

Bħala Kunsill tal-Istudenti se jniedu kampanja fl-iskola sabiex titnissel kuxjenza akbar favur l-immaniġġjar u t-tnaqqis tal-iskart u qed jippubblikaw ir-riżultati permezz ta’ filmat li nħadem għall-okkażjoni. Dawn qed jibagħtuhom lill-Prinċipal tal-Kulleġġ Victor Agius, kif ukoll lill-Ministeru responsabbli mill-Ambjent Aaron Farrugia.

More in Politika