L-MUT tgħid li m'għandhiex tingħata l-impressjoni li l-Ministru tneħħa għax hemm falliment fl-Edukazzjoni

L-Unjin Maltija tal-Għalliema tgħid illi tistenna li Justyne Caruana tkompli fuq dak li nbena waqt il-pandemija

Fid-dawl tal-bidla fit-tmun tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Malta Union of Teachers iċċarat filwaqt li weriet tħassib ukoll, minħabba dak li qed jingħad illi huwa "falliment fl-edukazzjoni" li wassal biex jitneħħa l-portafoll mingħand Owen Bonnici. 

"Il-qasam edukattiv altru milli falla, u xhieda ta’ dan hi l-ħidma sfieqa u kontinwa tal-edukaturi li kemm f’Marzu u fix-xhur ta’ wara mid-djar kif ukoll fil-perjodu tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel ħadmu qatigħ sabiex l-istudenti jkomplu jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità matul il-pandemija." L-MUT qalet illi l-istudenti ma għandhomx ikunu "vittmi  ta’ deċiżjonijiet politiċi li ma għandhom l-ebda rabta mal-edukazzjoni."

Kienet il-gazzetta ILLUM li rrappurtat kif mill-bidu tas-sena skolastika kien hemm biss 204 każ pożittiv ta' Covid-19 minn popolazzjoni ta' 45,000 student u 112-il każ minn 11,000 membru tal-istaff. 

Intant l-MUT qalet illi tistenna li l-Ministru l-ġdid, Justyne Caruana tkompli taħdem u tibni fuq dak kollu li hu tajjeb fis-settur, speċjalment dak li nbena waqt il-pandemija.

More in Politika