Minkejja l-pandemija fix-xhur tas-sajf Malta xorta kellha aktar minn 264,000 turist f'akkomodazzjoni

Ħarsa lejn is-settur tal-akkomodazzjoni dan is-sajf, affetwat mill-pandemija, juri tnaqqis ta' 56.7% fix-xhur tas-sajf u tnaqqis ta' 61.9% fl-ewwel disa' xhur tas-sena

Fit-tielet kwart tas-sena 2019 u allura matul ix-xhur tas-sajf - minkejja l-pandemija xorta kien hawn 264,444 turist f'akkomodazzjoni li minnhom 239,964 qagħadu f'Malta u 'l bqija f'Għawdex.  Dan huwa probabbilment riżultat tal-fatt li matul is-sajf ħafna pajjiżi reġgħu naqqsu mill-miżuri li kienu ttieħdu u bosta stabbilimenti reġgħu fetħu għal ftit ġimgħat, filwaqt li bosta kienu reġgħu bdew jieħdu vaganza.

Dawn iċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru tnaqqis ta' 56.7% ta' turisti f'akkomodazzjoni meta mqabbel mal-istess perjodu (Lulju sa Settembru) fis-sena 2019.

Matul dan il-perjodu kien hemm tnaqqis akbar fin-numru ta' ljieli li t-turisti qattgħu f'pajjiżna, bi tnaqqis ta' 67% meta mqabbel mal-istess xhur is-sena li għaddiet. 

F'Għawdex is-sitwazzjoni wkoll kienet ta' tnaqqis bejn Lulju u Settembru, bi tnaqqis ta' 29.6% għal 24,480 turist f'akkomodazzjoni b'kollox. 

Intant bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena - sena li matulha it-turiżmu qala' l-akbar daqqa ta' ħarta fi snin twal minħabba l-Covid-19 -  kien hawn b'kollox 586,173 turist f'akkomodazzjoni, li huwa tnaqqis ta' 61.9% meta mqabbel mas-sena 2019.  It-total ta' ljieli naqsu b'67.7% biex laħqu kważi 2.5 miljun lejl.

 

More in Politika