Jitilfu ħajjithom żewġ anzjani oħra ... u 203 persuni fi sptarijiet bi 15 fl-ITU

121 każ ġdid ta' Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa filwaqt li 107 jfiequ

Fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom żewġ anzjani oħrajn illi kienu pożittivi għall-Covid-19, anzjana ta' 86 sena u anzjana oħra ta' 75 sena.

Dan ifisser illi matul din il-ġimgħa tilfu ħajjithom 16-il persuna li kienu pożittivi għall-virus bi tmienja jkollhom bejn 70 u 79 sena, sitta bejn 80 u 89 sena u tnejn oħra li għandhom inqas minn 70 sena.  Fost dawn, bħal-lum ġimgħa tilef ħajtu l-iżgħar persuna, sa issa, li kienet pożittiva għall-Covid-19, Renald Falzon - li kien ukoll is-Sindku ta' Ħal Qormi.

Intant b'kollox bħalissa - spjegat is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci - hemm 203 persuni li jinsabu fi sptarijiet u li huma pożittiva għall-Covid-19.  Dawn huma mqassmin hekk: 13 fl-ITU ta' Mater Dei, 13 oħra fl-Infectuous Diseases Unit f'Mater Dei, 42 f'wards oħrajn f'Mater Dei, 24 fl-Isptar Boffa, 22 persuna fl-Isptar St.Thomas, 77 persuna fl-Isptar Good Samaritan, każ fl-Isptar Monte Carmeli u 15-il każ fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, illi tnejn minnhom jinsabu fl-ITU.

Matul l-aħħar 24 siegħa rriżultaw wkoll 121 każ ġdid minn 3,377 test u fiequ b'kollox 107 persuna biex it-total ta' każi attivi fil-mument issa huwa ta' 2,167.

More in Politika