Il-PA tiftaħ perjodu ta' konsultazzjoni dwar l-istudju fuq impatti ambjentali ta’ solar farms f'barrieri

Bħala parti minn dan l-assessjar, l-AIS esplorat numru ta’ azzjonijiet ta’ policy, kriterji, u miżuri ta’ mitigazzjoni

Photocaption: Solar farms f’barrieri restawrati rjżidu l-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli
Photocaption: Solar farms f’barrieri restawrati rjżidu l-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli

Pass ieħor 'il quddiem importanti fit-twettiq tas-Solar Farms Policy għall-Gżejjer Maltin ittieħed fl-aħħar jiem wara s-sottomissjoni tal-Assessjar Strateġiku Ambjentali (SEA) dwar Solar Farms f’barrieri ikkummissjonat mill-Awtorità tal-Ippjanar lill-SEA Focal Point mill-AIS Environment. Ir-rapport ambjentali jissodisfa r-rekwiżit tal-policy għall-assessjar ambjentali fil-livell tal-pjan għall-barrieri kollha li huma f’Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni (SACs) u Żoni ta' Protezzjoni Speċjali (SPAs), parzjalment ġewwa fihom, jew inkella maġenbhom. Bħala parti minn dan l-assessjar, l-AIS esplorat numru ta’ azzjonijiet ta’ policy, kriterji, u miżuri ta’ mitigazzjoni. 

Ippubblikata f’Ottubru 2017, il-policy tistabbilixxi l-kriterji fundamentali li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) tqis xierqa biex tiggwida l-ippjanar u d-disinn ta’ siti ta’ solar farms u l-evalwazzjoni xierqa tal-applikazzjonijiet għal skemi bħal dawn. Il-policy tagħti priorità lill-iżvilupp ta' solar farms f'barrieri abbandunati jew li m'għadhomx jintużaw, fost siti oħra, biex ittaffi l-impatt viżiv negattiv tagħhom filwaqt li tipprovdi opportunità biex tiġġenera dak li jissejjaħ elettriku aħdar (green electricity). Filwaqt li din il-policy tapplika għall-barrieri kollha, kemm jekk huma attwalment operattivi, mhux użati bħalissa jew li m’għadhomx jintużaw, barrieri li kienu restawrati qabel id-data tal-adozzjoni ta' din il-policy mhumiex eliġibbli għall-iżvilupp bħala solar farms. 

Ir-roħs drastiku fil-prezzijiet tal-pannelli PV, bħala element sinifikanti fit-taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ipprovda triq alternattiva u kost-effettiva biex Malta timxi ‘l quddiem ħalli tilħaq l-10 fil-mija tal-mira tagħha għall-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli (RES) tal-2020. Biex tintlaħaq din il-mira, il-PA tefgħet l-attenzjoni tagħha fuq l-użu ta' barrieri bħala solar farms għal skop ta' ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli permezz ta' teknoloġija fotovoltajka. 

Filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar diġà sejħet laqgħa ta’ konsultazzjoni inizjali f’Ġunju 2019 rigward l-iskop tal-istudju dwar impatti ambjentali, il-PA issa fetħet perjodu ta’ sitt ġimgħat ta’ konsultazzjoni onlajn dwar r-Rapport Ambjentali tal-SEA li kien sottomess, ma’ firxa wiesa’ ta’ partijiet interessati u mal-pubbliku mill-Ħamis 19 ta’ Novembru sal-Ħamis 31 ta’ Diċembru 2020. Il-partijiet interessati, inklużi Kunsilli Lokali fejn jinsabu l-barrieri, ministeri tal-gvern, awtoritajiet u entitajiet, diversi fakultajiet tal-Università ta’ Malta, u diversi NGOs huma mistiedna jaqraw ir-rapport tal-SEA fuq https://www.pa.org.mt/en/consultation-details/sea-for-maltas-solar-farm-policy, u jibgħat il-mistoqsijiet u r-reazzjonijiet tagħhom lil [email protected].

Barra minn hekk, il-partijiet interessati u l-pubbliku huma mistiedna għal-laqgħa ta' konsultazzjoni live b’mod remot li se ssir l-Erbgħa 16 ta' Diċembru 2020 fis-2.30pm. Ir-reġistrazzjonijiet għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni live jintlaqgħu mil-lum sa nofsinhar tat-Tlieta 15 ta’ Diċembru 2020 fuq: [email protected].

Matul il-laqgħa, il-PA se tintroduċi l-aspetti varji tal-Policy dwar Solar Farms, segwita minn ħarsa ġenerali lejn ir-Rapport tas-SEA ppreżentat minn AIS Environment. Wara, l-esperti tal-AIS Environment se jipprovdu pariri professjonali dwar l-impatti ambjentali potenzjali tas-solar farms fil-barrieri. 

F'konformità mar-rekwiżiti tal-Policy dwar Solar Farms, 27 barriera kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex kienu eżaminati bħala parti mis-SEA peress li jinsabu viċin siti protetti tan-Natura 2000. Il-policy tinkoraġġixxi r-restawr ta’ barrieri adattati mhux biss biex ittaffi l-impatt viżiv negattiv tagħhom iżda, forsi saħansitra iktar importanti, biex tipprovdi opportunità ħalli tiżdied l-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli, u b’hekk tnaqqas id-domanda fuq il-Power Station ta’ Delimara, filwaqt li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq sorsi importati ta’ enerġija. Ir-restawr ta' barrieri abbandunati jew li m'għadhomx jintużaw jista' jwassal ukoll għall-benefiċċju miżjud meta jimtlew mill-ġdid bi skart inert tal-bini, u hekk tonqos il-pressjoni għal siti alternattivi. 

More in Politika