Aktar minn 60% jivvutaw skont l-ekonomija u l-but tagħhom u ta' familthom - sondaġġ xjentifiku

Sondaġġ xjentifiku mill-Univesità  ta' Malta jħares lejn ir-raġunijiet għaliex il-poplu jagħżel partit u mhux ieħor f'elezzjoni ġenerali ...

Mhux xi sigriet li meta nitkellmu dwar il-voti u elezzjonijiet u għalfejn in-nies imorru jivvutaw, l-ewwel kelma li tiġi f'moħħ ħafna hija "but".  Imma din hija perċezzjoni żbaljata jew realtà? 

Sondaġġ xjentifiku magħmul mill-Fakultà għall-Benesseri Soċjali juri li fil-fatt din mhi perċezzjoni xejn imma qrib ħafna tar-realtà.  Fil-fatt dan is-sondaġġ juri li minn lista ta' ħames għażliet, meta dawk li pparteċipaw kienu mistoqsijin liema kwistjonijiet jaġevolawhom biex jivvutaw, 61% semmew l-ekonomija.  Kien l-istrateġista tal-eks President Amerikan Bill Clinton, James Carville li uża l-frażi 'The economy, stupid!' biex jesprimi l-opinjoni li ħafna mid-drabi elezzjonijiet huma deċiżi fuq kif sejra l-ekonomija u allura kif sejrin in-nies.  Jidher, allura li dan huwa l-każ hawn Malta wkoll bl-aktar sezzjoni tal-popolazzjoni li tmur tivvota bl-ekonomija fuq moħħha tkun il-votanti ta' bejn 36 u 45 sena, b'71%.  L-inqas, għalkemm xorta f'maġġoranza kien fost dawk ta' bejn 56 sena u 65 sena fejn 53% semmew l-ekonomija bħala r-raġuni li jagħżlu partit minn ieħor. 

Fl-aħħar snin f'Malta wkoll, l-ekonomija kienet l-għajta elettorali tal-Partit Laburista li rebaħ bil-kbir żewġ elezzjonijiet ġenerali.

Qrib ħafna b'60%, kien hemm il-ġid u l-qagħda finanzjarja tal-familja.  Mill-ġdid allura hanwhekk qed jiġi rifless l-importanza tal-"but", kemm individwali u tal-familja kif ukoll dak tal-pajjiż. 

Kien l-iżgħar grupp ta' età (16 -25) li fil-fatt qal li jagħżel skont il-ġid jew il-finanzi personali, b'77%.  L-inqas li jagħmlu din l-għażla kien fost il-ġenerazzjonijiet aktar anzjani b'50%, kemm fost dawk ta' bejn 56 u 65 sena u anke fost dawk li huma ta' età ikbar. 

Maġġoranza ta' dawk li pparteċipaw jew 52% semmew it-twemmin politiku tal-partit u kif huwa dan li jiddetermina l-għażla tagħhom.  F'termini ta' etajiet l-aktar li jagħmlu din l-għażla huma dawk ta' bejn is-46 u l-55 sena skont dan is-sondaġġ xjentifiku b'65% u l-inqas huma dawk ta' bejn is-56 u l-65 sena b'35% biss. 

Il-Kap importanti għal 43% tal-votanti

Fl-aħħar snin l-kampanji elettorali saru jiġu organizzati b'mod aktar Presidenzjali fejn il-Kap jew il-Mexxej jieħu rwol ħafna aktar kruċjali u ċentrali u fejn id-differenza bejn il-Kap u l-partit ma jibqgħux ċari.  Minkejja dan, il-kap tal-partit minn dejjem kien importanti ħafna u kruċjali biex partit jirbaħ jew jitlef.  F'dan is-sondaġġ xjentifiku kienu 43% li semmew il-Kap tal-partit bħala wieħed mill-fatturi determinanti fl-għażla elettorali tagħhom,  bl-akbar popolarità għal din l-għażla tkun fost dawk bejn is-36 u l-45 sena b'52%.  L-inqas popolari kienu fost dawk bejn is-56 u l-65 sena b'29% biss. 

Finalment, il-lealtà lejn il-partit li tgħaddi minn ġenerazzjonijiet hija b'saħħitha l-aktar fost dawk li għandhom aktar minn 66 sena anke jekk b'41%, mhux il-maġġoranza jsemmuha.  L-inqas hija fl-etajiet iż-żgħar fejn fost dawk ta' bejn is-16 u l-25 sena kienu b'kollox 33% li qalu illi jivvutaw skont il-lealtà, filwaqt li huma inqas, jew 28%, ta' dawk bejn is-26 u l-35 sena li jivvutaw b'dan il-fattur fuq moħħhom. 

Meta taqsam ir-risposti kollha skont il-ġeneru ssib li n-nisa jagħtu aktar importanza f'dak li jirrigwarda il-ġid jew qagħda finanzjarja tal-familja meta jivvutaw (65%) mill-irġiel (57%), imma ftit aktar irġiel isemmu l-ekonomija (63%) minn nisa (60%). 

Eżatt l-istess persentaġġi jwieġbu dwar il-Kap tal-partit (44%), filwaqt li n-nisa jagħtu ftit aktar importanza lil-lealtà (37%) mill-irġiel (36%).  54% tan-nisa jivvutaw lil partit minħabba t-twemmin tiegħu filwaqt li 50% tal-irġiel jagħmlu l-istess. 

'Il-valur tagħna qiegħed dejjem isir aktar dwar il-flus' - Azzopardi

Il-gazzetta ILLUM għamlet żewġ mistoqsijiet lid-Dekan tal-Fakultà illi għamlet dan is-sondaġġ, Andrew Azzopardi.  L-ewwelnett huwa interessanti kif fis-sondaġġ jirrizulta li l-parteċipanti iżgħar fl-età jmorru jivvutaw aktar fuq materji ta' flus u ġid personali milli dawk 'l fuq mis-56 sena.  Kif janalizza dan id-Dekan?

Azzopardi fakkar illi min huwa iżgħar fl-età għadu jiddependi ħafna aktar mill-flus, "madanakollu naħseb li aktar kemm jgħaddi ż-żmien il-valur tagħna qed isir dejjem aktar fuq kemm għandna flus u kemm aħna sidien ta' affarijiet materjali," sostna Azzopardi.  Huwa qal illi dawn il-fatturi qegħdin dejjem aktar jieħdu post kemm  persuna għandha valur u kemm hija ta' karattru sod. 

It-tieni ħaġa li tistaqsi din il-gazzetta hija dik relatata mal-lealtà.  Minkejja li huma biss 33% ta' dawk bejn 16 u 25 sena u 28% ta' dawk bejn 26 u 35 sena li jivvutaw skont il-lealtajiet politiċi tal-familja, ma jħossx li dan għadu wisq?  X'jista jiġri biex dan jonqos aktar? 

Azzopardi jisħaq illi dan il-persentaġġ "għadu wisq" minkejja li jgħid ukoll li ħafna jaslu jgħidu illi fil-fatt huwa ikbar.  "Jien għalija l-importanti huwa li n-nies jifhmu għalfejn qed jivvutaw u naħseb l-etaijiet żgħar iridu jgħallmuna fuq din.  Il-verità hija wkoll li l-maġġoranzi li jikbsu l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qatt ma kienu marbuta mal-voti li għandhom bħala partit, imma l-voti li jkunu wirtu jew ħadu mill-avversarji politiċi taghhom.  Jidher li dak in-numru ta' votanti qed jikber," temm jgħid Azzopardi mal-ILLUM. 

Metodoloġija

Livell ta' Kunfidenza: 95%

Marġini ta' żball: +/- 4%

Daqs tal-kampjun: 600

L-għażla kienet stratifikata skont l-età, il-ġeneru u d-distretti. 

Id-data kienet miġbura matul Ottubru 2020

More in Politika