Tumas Group ħallas il-kamra ta' Azzopardi f'Tel Aviv fi żmien meta nkixef li d-DB Group kien qed iħallas pagi tal-PN

F'Marzu tal-2017 kien żvelat ukoll kif DB Group kien qed iħallas bil-moħbi l-pagi tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap Eżekuttiv tal-PN

Ilbieraħ, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ammetta li f’Marzu tal-2017, Tumas Group kien ħallaslu l-kamra fil-lukanda Hilton ta’ Tel Aviv. Dan seħħ fi żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien qed jiffaċċja kritika qawwija dwar flus li kien qed jieħu mingħand DB Group biex iħallas il-pagi tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap Eżekuttiv tal-PN.

L-eks mara ta’ Azzopardi, Marica Azzopardi Balzan, ikkonfermat ukoll fuq Facebook li, f’Marzu tal-2017, huma kienu mistiedna għal tieġ tat-tifla ta’ Rabbi ħabib tagħhom f'Tel Aviv.

Madanakollu, Azzopardi kien informa lil martu li kien sejjer waħdu għal dan it-tieġ għax xtaq ukoll li meta jkun hemm iqatta’ ftit tal-ħin waħdu fuq il-qabar ta’ Kristu.

Skont l-eks mara tiegħu, Azzopardi gidbilha hekk kif kienet saret taf li tela’ Tel Aviv mas-sieħba tiegħu.

Azzopardi, ilbieraħ, ammetta dak li żvelat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li hu kien ikkuntatja lil Ray Fenech, ta’ Tumas Group biex jgħinu jfittex lukanda għax ma setax isib. Ray huwa z-ziju ta’ Yorgen Fenech, akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Skont Azzopardi meta mar biex iħallas, infurmawh li “it had been taken care of.”

Id-Deputat qal ukoll li hu ma għandu l-ebda obbligazzjoni għax meta rritorna Malta kien mar jixtri xi ħaġa ta-fidda u mar jagħtiha lill-istess Fenech. 

Żmien kritiku għall-PN

F’dan l-istess perjodu, il-Partit Nazzjonalista kien qed jiffaċċja l-kontorversja dwar il-ħlas tal-pagi tal-uffiċjali tiegħu Rosette Thake u Brian St John mid-DB Group.

Dan kien fl-istess perjodu ta’ kontroversja oħra meta l-Gvern kien għadu kemm temm in-negozjati għall-għoti tal-art tal-ITS fil-Bajja ta’ San Ġorġ lill-istess DB Group għall-bini ta’ torri, lukanda u ħwienet.

Il-ftehim kien ikkritikat bl-aħrax mill-Kap Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, Simon Busuttil tant li kien ordna lid-Deputat tiegħu, Mario de Marco biex ma jibqax l-avukat tad-DB Group.

Iżda l-kontroversja daret fuq il-PN meta ġie żvelat li d-DB Group kien qed iħallas il-pagi tas- Segretarju Ġenerali u l-Kap Eżekuttiv tal-PN. Il-ħlas kien qed isir bil-moħbi, taħt il-velu ta' "donazzjonijiet" għal riklami u servizzi oħra mogħtija lill-midja tal-partit. 

Anke jekk f’Marzu 2017 ma kienx għadu magħruf li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black, xorta waħda tqajmu mistoqsijiet dwar il-fatt li Deputat kellu jitlob l-għajnuna ta’ negozjant kbir biex jgħinu jfittex lukanda għal btala personali. 

More in Politika