Investiment ta’ €5 miljun biex jiġu estiżi l-Qrati u jiżdiedu erba' awli

Binja dilapitata biswit il-Qorti fi Triq id-Dejqa fil-Belt Valletta, se tkun qed tiġi rinovata bil-għan li jsiru fiha erba’ awli u 25 uffiċċju ġdid

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħabbar proġett ta’ kważi €5 miljun bl-għan li jiġi estiż il-bini tal-Qrati fi Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zammit Lewis qal li fi żmien sentejn, binja dilapitata biswit il-Qorti eżistenti fi Triq id-Dejqa fil-Belt Valletta, se tkun qed tiġi rinovata u ristrutturata, bil-għan li jsiru fiha erba’ awli u 25 uffiċċju ġdid.

Il-Ministru saħaq li apparti riformi kostituzzjonali u istituzzjonali, il-Gvern qed jaħdem fuq  proġetti konkreti b’investiment qawwi fis-settur tal-ġustizzja.

Fakkar kif fl-aħħar xhur ġie inawgurat l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, beda x-xogħol fuq l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Liġi, saret riforma fl-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi u r-restawr u bini ġdid għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat li se jiġi inawgurat fil-ġimgħat li ġejjin. 

Il-Ministru kompla jgħid li dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti li qed jittieħdu sabiex jagħmlu l-ġustizzja ssir aktar aċċessibbli.

Is-Segretarju Permanenti s-Sur Johan Galea, waqt li tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġetti, irrimarka li dan mhuwiex proġett iżolat iżda wieħed minn sensiela ta’ proġetti li qiegħed jaħdem fuqu dan il-Ministeru.

Is-Sur Galea elenka l-fatt li ilu snin twal jinħass il-bżonn ta’ iktar spazju adegwat fil-Qorti u dan il-proġett, waqt li se jsolvi din il-problema, se jkun qed joffri ambjent iktar dinjituż lill-ħaddiema kollha, inkluż il-ġudikanti.

Id-Direttur tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati s-Sur Frank Mercieca spjega li dan il-proġett se jkun qed isir fuq medda ta’ sentejn. L-ewwel hemm il-fażi ta’ applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar u mbagħad proċess ta’ tendering.

Wara li jitlesta dan il-proċess, se jkun qed jibda x-xogħol ta’ rinovar u ristrutturar, biex dawn l-awli u uffiċini ġodda jibdew joperaw fl-iqsar żmien possibbli.

Is-Sur Mercieca saħaq li dan il-proġett se jkun qed jagħti lura lill-Belt Valletta anke mil-lat kulturali, hekk kif binja storika li llum il-ġurnata tinsab dilapitata, se tkun qed tiġi rrestawrata minn esperti.

More in Politika