Il-Pulizija fetħu investigazzjoni kriminali kontra membri mit-tim legali ta’ Yorgen Fenech u dan wara li wieħed mill-avukati, Gianluca Caruana Curran, fil-preżenza tal-Avukat Charles Mercieca, ipprova jgħaddi aktar minn €1,000 lill-ġurnalist tat-Times of Malta, Ivan Martin.
Jidher li anke l-Kamra tal-Avukati qed tinvestiga dan l-inċident li ddeskrivietu bħala “serju ħafna.”
Apparti minn hekk, f'rikors ippreżentat lill-Qorti, il-familja Caruana Galizia qed titlob li l-kontenut ta' din l-aħbar ikun imniżżel fl-atti tal-proċeduri filwaqt li qed titlob li tinfetaħ inkjesta.
Ilbieraħ, il-ġurnalist Ivan Martin qal li Caruana Curran ppova jgħaddilu numru ta’ karti tal-€500 wara laqgħa li kellu miegħu fil-Belt.
Martin irrifjuta l-flus u informa minnufih lill-edituri tiegħu.
Fi stqarrija l-Erbgħa filgħodu, l-Avukati qed jisħqu li l-ġurnalist ħa vantaġġ minnhom meta “ppoża” ta’ investigatur li huwa interessat biex jgħin lill-klijent tagħhom u propju għalhekk li tawh il-flus.
Madanakollu, ilbieraħ, Caruana Curran, waqt li kkonferma li pprova jgħaddi l-flus, insista li hu ltaqa’ ma’ Martin bil-għan li jipprovaw inaqqsu l-imparzjalità fir-rapurtaġġ dwar il-każ ta' Yorgen Fenech.
Insista li sakemm tah il-flus, ma kellux idea li Martin kien ġurnalist full-time ma’ The Times of Malta.
Martin ilu ġurnalist ma’ The Times of Malta mill-2013 u kien wieħed mill-aktar ġurnalisti li rrapporta dwar il-każ ta’ Caruana Galizia.