Cuschieri u Licari jissospendu lilhom infushom mill-MFSA wara rapporti li marru Las Vegas ma' Yorgen Fenech

 Edwina Licari rriżenjat ukoll minn fuq il-bord tal-FIAU 

Edwna Licari u Joseph Cuschieri
Edwna Licari u Joseph Cuschieri

Is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mis-Servizzi Finanzjarji ħabbar li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), Joseph Cuschieri, ssospenda lilu nnifsu b’effett immedjat mid-dmirijiet tiegħu.

Apparti minn hekk, l-Avukat tal-MFSA, Edwina Licari wkoll ssospendiet lilha nfisha b’effett immedjat mid-dmirijiet taghha.

Is-Segretarjat Parlamentari insista li dan sar b'konformità mal-prinċipji ta' governanza tajba u sakemm l-istess Awtorità twettaq kwalunkwe verifika meħtieġa b’rabta mal-aħbar li ħarġet din il-ġimgħa li l-istess Cuschieri u Licari marru Las Vegas ma' Yorgen Fenech, f'Mejju 2018.

Fi żmien din is-safra ma' Fenech, dak iż-żmien Kap Eżekuttiv ta' Tumas Group u anke sid ta' Casino, fost oħrajn, Licari kienet għada Avukata tal-Malta Gaming Authority.

Licari rriżenjat ukoll mill-pożizzjoni tagħha minn fuq il-bord tal-FIAU, l-Aġenzija tal-Gvern li tinvestiga u taħdem kontra l-ħasil tal-flus.

'Sal-bieraħ Robert Abela ddefenda lil Cuschieri

Fi stqarrija b'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista saħaq li sal-bieraħ stess, il-Prim Ministru Robert Abela ddefenda lill-istess Joe Cuschieri.

"Allura joħroġ ċar li bl-istess mod li Joseph Muscat kien lest li jissagrifika s-settur tas-servizzi finanzjarji biex jiddefendi lil Keith Schembri, Brian Tonna u Konrad Mizzi issa Robert Abela qiegħed jagħmel l-istess billi jiddefendi lil Joe Cuschieri minkejja d-dell iswed illi dan tefa fuq l-MFSA fi żmien fejn l-industrija tas-servizzi finanzjarji għaddejja mill-iktar perjodu diffiċli tagħha u qed tistenna l-konklużjoni tal-Moneyval," saħqet l-istqarrija tal-PN.

L-Oppożizzjoni insistiet li Robert Abela ma jinteressahx mir-reputazzjoni ta' Malta fis-settur finanzjarju u lanqas mill-eluf ta' impjiegi li jħaddem.

"Għalfejn Robert Abela ddefenda lil Joe Cuschieri? Għaliex b’kuntrast ma’ dan, l-MFSA ġegħlet jew talbet lil Cuschieri jissospendi ruħu? Min se jkun qiegħed imexxi l-investigazzjoni fil-konfront tagħhom? Sejjer jinħatar bord indipendenti għal dan il-għan? Minn min huwa kompost dan il-bord? Kemm huwa tassew indipendenti minn Robert Abela dan il-bord li se jinvestiga persuna li ġurnata ilu l-istess Robert Abela ħareġ jiddefendi?," staqsa l-PN.

Il-Partit Nazzjonalista reġa' sejjaħ lil Robert Abela biex jiddikjara meta sar jaf b’dan il-vjaġġ u saħaq li l-Prim Ministru għandu minnufih jitlob liċ-chairpersons tal-entitajiet pubbliċi kollha li jiddikjaraw pubblikament kull każ ta’ kunflitt ta’ interess bħal dan li jista’ jimpedihom milli jwettqu l-funzjoni tagħhom.

"Robert Abela għandu jerfa ir-responsabbiltà talli ilbieraħ ddefenda aġir indifensibbli bil-politika ta' xejn mhu xejn illi qegħda tkompli ttappan ir-reputazzjoni ta' pajjiżna u tqiegħed f'periklu eluf ta' impjiegi ta' ħaddiema. Robert Abela jrid jgħaddi mill-kliem għall-fatti u juri li għandu d-determinazzjoni li jibda jsewwi l-ħsara kbira li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika