Dalli mistennija jkollha Super Ministry f'ċaqlieq fil-Kabinett li se jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin

Dalli fuq quddiem għall-portafolli tal-Enerġija, Bidla fil-Klima, Ekonomija l-Ħadra u forsi aktar ...

 

Miriam Dalli
Miriam Dalli

Miriam Dalli - li kienet il-Viċi President tal-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) fil-Parlament  Ewropew u li għadha kif daħlet fil-Parlament Malti billi ħadet post l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat, mistennija tingħata portafoll Ministerjali pjuttost kbir, speċi ta' Super Ministry, tinsab infurmata l-gazzetta ILLUM. 

Din il-mossa se tkun parti miċ-ċaqlieq li beħsiebu jagħmel il-Prim Ministru fil-Kabinett f'Novembru, jiġifieri fil-ġimgħat li ġejjin.  Għalkemm mhux ċar kemm fil-fatt se jkun qed ibiddel, sorsi qalu lill-gazzetta ILLUM illi hija kważi ċertezza li Dalli se tkun qed tingħata Ministeru u li fil-fatt dan kien parti minn negozjar li sar magħha biex titlaq minn postha fi Brussell.

Minn sorsi viċin il-Gvern jidher li Dalli se jkollha portafoll li jinkludi diversi responsabilitajiet illi bħalissa jaqgħu taħt Ministeri oħrajn.  Jidher illi Dalli se tkun rikonoxxuta fuq livell lokali għall-fatt li kienet rebħet il-Premju tal-MEP tas-Sena fil-qasam tal-Enerġija, billi fil-fatt tingħata dan il-portafoll li jinsab għand il-Ministru Michael Farrugia. Mhux ċar jekk Dalli hijiex se tieħu s-settur tal-Ilma, bħalissa wkoll responsabilità ta' Farrugia. 

Iżda Dalli qed tkun ikkunsidrata wkoll li tmexxi s-Sostenibbilità, l-Bidla fil-Klima u/jew dak kollu li huwa marbut mal-Ekonomikja l-Ħadra - suġġett illi fil-Baġit ta' nhar it-Tnejn sar aċċenn partikolari għalih. 

Din is-sena stess fil-fatt, Dalli ngħatat r-responsabilità li tmexxi l-pjan tal-S&D għall-Irkupru Ekonomiku Aħdar, u s-sena l-oħra saħansitra tkellmet f'konferenza dwar il-Bidla fil-Klima fi New York. Hija kienet ukoll - sa ftit qabel temmet il-karriera tagħha fl-UE parti - mill-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent, Saħħa Pubblika u Sigurtà fl-Ikel.  Hija kienet ukoll Viċi Chairperson tal-Intergrupp tal-Parlament Ewropew li jitratta l-Bidla fil-Klima. l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Biodiversità. 

Is-sostenibbilità  bħalissa taqa' taħt Carmelo Abela, filwaqt li l-Bidla fil-Klima taqa' taħt Aaron Farrugia - it-tnejn li huma, intqal lil din il-gazzetta, mistennija jżommu posthom fil-Kabinett. 

Mhux qed ikun eskluż li mal-Enerġija, il-Bidla Fil-Klima/Sostenibbilità u l-Ekonomija l-Ħadra Dalli jkollha wkoll portafoll ieħor li jikkumplimenta dawn is-setturi.

Bħalissa l-għidut fil-Kabinett dwar bidliet imminenti huma b'saħħithom ħafna b'diversi Ministri u Segretarji Parlmentari mħassbin li jistgħu jitilfu posthom.  

Dawn il-bidliet mistennijin ibiddlu, jekk mhux ixejnu, l-prospetti ta' elezzjoni ġenerali kmieni s-sena d-dieħla għalkemm ma jeskludux elezzjoni tard fl-2021, minflok fl-2022. 

Apparti Dalli, il-Prim Ministru daħħal fil-Grupp Parlamentari wkoll lill-eks Chief of Staff tiegħu, Clyde Caruana li għadu mhux ċar liema rwol se jkun qed jilgħab fil-Kabinett il-ġdid ta' Robert Abela. 

More in Politika