Intervista | 'Qed nisselfu biex nagħmlu dawn il-miżuri ... imma xi ħadd irid iġorru l-prezz ta' dan is-self'

Din il-ġimgħa kienu qed jarawh ħafna nies, iħabbar il-programm finanzjarju u ekonomiku tal-Gvern.  Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Ministru Edward Scicluna dwar il-vouchers, il-Wage Supplement, ir-rapport tal-Moneyval u l-kritika tal-PN għall-Baġit 2021

Il-Ministru Edward Scicluna - Ritratt ta' Mediatoday/james Bianchi
Il-Ministru Edward Scicluna - Ritratt ta' Mediatoday/james Bianchi

Il-politiku tal-mument, bħal dejjem daż-żmien sena,   huwa l-Ministru tal-Finanzi u bħal dejjem il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lura lejn il-Baġit mal-persuna li resqitu:  Edward Scicluna.

Dan kien id-disa' baġit ta' Scicluna u wieħed li ġab ħafna approvazzjoni mill-unjins, assoċjazzjonijiet li jħaddmu, dawk li jirrapreżentaw lit-turiżmu u bosta oħrajn.  Naturalment it-test veru ta' baġit ikun meta jitressaq ieħor u wieħed ikun jista' jiġġudika fuq il-frott (jew in-nuqqas tiegħu). 

'Kellna għażla:  Jew innaqqsu l-VAT jew vouchers ...'

Nibdew billi nistaqsu lil Scicluna dwar il-vouchers, miżura mfaħħra minn bosta negozji li sostnew illi kieku ma kienx għaliha r-rota ma kinitx iddur wisq fl-aħħar xhur.  Pero ma jaħsibx li kien jagħmel aktar sens li tqassmu fil-Milied sabiex jagħti impetu qawwi lin-negozju f'dan iż-żmien, meta normalment ikun b'saħħtu?

Il-Ministru Scicluna jibda billi jfakkar illi għal din il-miżura hemm allokat somma "konsiderevoli" ta' €50 miljun u kieku ssir din is-sena taqa' taħt il-baġit ta' din is-sena, li jkun ifisser li tiżdied mal-ħafna spejjeż li diġa' kellu l-pajjiż għal-2020. 

"Ir-risposta hija li dan kien baġit għall-2021.  Pero' fil-fatt kienu l-operaturi stess li għamlu din it-talba," jgħid il-Ministru mal-ILLUM. "Minkejja li huwa żmien diffiċli, fil-Milied forsi jkun hemm min joħroġ naqra u jagħmel xi ħaġa barra."

Minn naħa l-oħra l-Ministru Scicluna fakkar li x-xhur ta' wara, normalment kwieti anke fi snin fejn ma kellniex pandemija, se jkunu ta' sfida.  Għalhekk il-Gvern Malti se joħroġ il-vouchers f'Jannar għax irid jimbutta l-infieq f'xhur batuti. 

"Din il-miżura kienet għażla:  Jew innaqqsu l-VAT jew nerġgħu noħorġu l-vouchers," sostna Edward Scicluna li kompla jispjega kif l-idea tal-VAT kienet inferjuri minħabba tliet raġunijiet. 

L-ewwelnett għax kull miżura bħal din hija diffiċli li treġġaha lura.  Allura l-Gvern isibha diffiċli li jnaqqas il-VAT imbagħad f'punt fil-futur jerġa' jgħolliha, spjega Scicluna.  It-tieni raġuni hija li diffiċli illi tnaqqis bħal dan jgħaddi kollu kemm hu għand il-konsumatur - mhux kull tnaqqis fit-taxxa ifakkar tgħaddi għand il-konsumatur, anzi ġieli madwar 50% ma tgħaddix.  U finalment il-Ministru Scicluna  jgħid illi traħħis fil-VAT ma jiggarantixxix li l-konsumatur se jikkonsma.  "Ara l-vouchers se tonfoqhom la qegħdin għandek.  Lanqas jekk tmur għand l-irħas ristorant tieħu pizza għax xorta se tonfoqhom," fakkar Scicluna. 

Huwa qal li din hija l-filosofija li meta ma jkunx hemm  domanda l-Gvern jimbutta biex tinħoloq id-domanda. 

'Min ma ħax u ħaqqu u min ħa u ma kienx ħaqqu daqstant'

Induru fuq miżura oħra mfaħħra, speċjalment minn min iħaddem, dik tal-Wage Supplement.  Jista' l-Ministru jispjega aħjar kif din id-darba l-miżura se tkun differenti?  Se tapplika għal kull min ra waqa' kbira fix-xogħol, anke jekk mhux f'setturi li mhumiex igawdu minnha bħalissa?

"L-ewwelnett ma rridux nitilqu mill-oġġettiv tal-miżura għax l-oġġettiv kien u jibqa' li nsalvaw l-impjiegi," qal il-Ministru.  Huwa sostna li l-pandemija hija xi ħaġa temporanja u għalhekk l-għan tal-Gvern huwa li matul dan iż-żmien jgħin lill-impjegaturi jżommu lill-ħaddiema sabiex ikomplu fejn ħallew, ladarba l-pandemija tgħaddi. 

"Naturalment il-Gvern qed jissellef biex jagħmel dawn il-miżuri u biex il-ħaddiema, bħall-għalliema, il-pulizija u l-infermiera jibqgħu jitħallsu.  Għal dawn il-miżuri il-Gvern se jissellef 5.9% u xi darba jrid ipatti għalihom," qal Scicluna mal-ILLUM  

Hu jfakkar li normalment Malta kien qed ikollha mat-2.5 miljun turist fis-sena.  "Ara kemm tlifna flus!  U dawn tlifnihom għal dejjem, il-pajjiż ma jistax iġibhom lura."

Huwa qal li fil-bidu l-miżura tal-Wage Supplement saret b'rata waħda għal settur sħiħ, "imma issa kellna ċ-ċans li naraw min ma ħax u kien ħaqqu u min ħa u forsi ma kellux bżonn daqs ħaddieħor.  Allura issa minflok rata waħda se jkollna erba' jew ħamsa per eżempju.  Kull każ għalih."

 Il-gazzetta tinnota li teżisti impressjoni li ħafna negozji ma ħarġux l-€400 tagħhom, apparti t-€800 tal-Gvern, għaliex ma setgħux. Veru dan?

Filwaqt li l-Ministru jfakkar li hija l-Malta Enterprise li jkollha tali numri u figuri  jgħid illi jaf li ġrat u għadha qed tiġri.  Iżda huwa kompla jfakkar illi "l-ħmar il-magħkus ma tistax toqgħod issawtu, inkella ġġiegħlu jagħlaq u xorta jkollu jkeċċi."

'Hija assurda li ddaħħal taxxi bħalissa'

Ħafna drabi jissemma' l-fatt li dan, bħat-tmienja ta' qablu ta' Gvern Laburista kollha mressqin mill-istess Ministru Scicluna, huwa 'baġit bla taxxi.'  Imma kemm hi sostenibbli din, hekk kif hu stess qed jgħid li l-Gvern qed joħroġ ħafna iktar u jdaħħal ħafna inqas?  Dan kien l-aħħar baġit bla taxxi?

"Jiena lanqas għidtha baġit bla taxxi - tkun assurda li ddaħħal taxxi f'dan iż-żmien anzi tistenna li ma jsirux," jgħid Scicluna.  Huwa jfakkar kif il-Bank Ċentrali Ewropew stess qed iħeġġeġ għall-infieq bħalissa, "għax hekk hemm bżonn."

"Imma xi ħadd irid iġorru l-prezz ta' dan is-self," jinsisti Scicluna. 

Hu jgħid iżda illi kieku d-dejn f'Malta ikun ta' 100% jew 120% tal-Prodott Gross Domestiku, kif ifakkar li huwa f'pajjiżi bħal Spanja, l-Ingilterra u Franza, imbagħad jibda diskors dwar taxxi.  "Hemmhekk diġa' qed jgħidu 'se nintaxxaw lis-sinjur u lill-kumpaniji diġitali kbar' ... logħob politiku biex dak li jkun jgħid u 'iva ntaxxahom lis-sinjuri'!"

Fil-każ ta' Malta, jispjega, d-dejn huwa ta' 43% u jekk tgħodd id-djun ta' din is-sena u dak antiċipat għad-dieħla se jkun qed ilaħħaq madwar 60% tal-Prodott Gross Domestiku.  "F'dan il-każ - avolja jiena ma nwiegħed xejn - ikollna fejn nimmanuvraw u ma jkollniex bżonn ta' taxxi."

Ladarba qed isemmi l-previżjonijiet l-ILLUM tfakkru li l-Gvern qiegħed saħansitra jipprevedi tkabbir għas-sena d-dieħla.  Ma jaħsibx li dan huwa wisq ottimist meta wieħed jiftakar li hemm pandemija?

"Faċli," jibda jwieġeb il-Ministru Edward Scicluna.  "Ħares lejn l-ittra 'V', tinżel u terġa titla' u allaħares ma jkunx hekk.  Issa aħna qed ngħidu li wara li nkunu tlifna sentejn (2020 u 2021) se nerġgħu niġu lura għal-livelli tal-2019."

PN: Ma basarx li jkomplu jippruvaw jgħaddsu lill-pajjiż

Induru fuq ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista għall-baġit, bil-kumment inizzjali tal-Kap tal-PN Bernard Grech jisħaq li dan huwa Gvern għajjien li mhux qed iħares lejn il-futur.  X'inhi r-reazzjoni tiegħu għal dan?

Huwa qal li fil-karriera politika tiegħu, bosta drabi segwa oppożizzjonijiet madwar id-dinja "li jkunu ta' stoffa ftit ogħla," saħaq.  "Li toqgħod tgħid għax gvern għajjien kapaċi jgħidha kulħadd."

Huwa sostna li apparti li l-Oppożizzjoni għandha bżonn torganizza ruħha aħjar, hemm bżonn ukoll li tapprezza l-mudell ekonomiku li qed jitħaddem bħalissa.  "Jiena niftakar li fit-tmenijiet konna ngħidu ara l-outward looking fi żmien it-tmexxija Gvern ta' Eddie Fenech Adami kemm ħalla frott ekonomiku," sostna Scicluna mal-ILLUM. 

Imma l-gazzetta tfakkru li waħda mill-punti ta' kritika li ssir mill-PN hija li meta ġie l-maltemp l-pajjiż kellu jistrieħ fuq setturi, bħall-igaming u s-servizzi finanzjarji, li jfakkar illi ġabhom Gvern Nazzjonalista.  Allura Gvern Laburista x'għamel?  Ġab setturi ġodda jew sempliċiment bena fuq dak li sab?

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fakkar li ħadd ma jista' jibni t-tieni u t-tielet sular mingħajr il-bażi u li hu jħossu kburi li kien hemm ċerta kontinwità. 

"Li ma bsartx minn partit li fih hemm ħafna nies li jaqilgħu x'jieklu mis-servizzi finanzjarji, kien illi jagħtuh daqstant daqqiet lil dan is-settur.  Tgħidli ġara hekk u ġara hekk  - u vera - ma ġrawx affarijiet sbieħ.  Imma li tkompli tgħaddas lill-pajjiż aktar 'l isfel ma bsartiex," saħaq Scicluna.  

Huwa qal li dwar setturi ġodda l-Gvern preżenti qed jaħdem fuq il-futur diġitali u anke l-ekonomija l-ħadra.  Fakkar illi l-ekonomija l-Ħadra se toħloq ċerta domanda għax inti għandek single use plastics li mhux se jibqgħu jintużaw anke f'pajjiżna, bħalma se jieqfu jintużaw ukoll karozzi bil-petrol u diesel. 

'Inħoss li ssodisfajna dak li kienet qed titlob il-Moneyval'

Il-gazzetta tfakkru li fosri vera li kien hemm min kompla jonfoħ fuq in-nar, imma n-nar mhux l-oppożizzjoni bdietu.  Bdewh kuntratti bħal tal-VGH u l-Electrogas u bla dubju l-assassinju ta' ġurnalista li ċappas isem pajjiżna mad-dinja.  Fid-dawl ta' dan il-Gvern x'qed jistenna mir-rapport tal-Moneyval?

Filwaqt li sostna li naturalment assassinju mhuwiex aċċettabbli u li dak kollu li jiġri f'pajjiżna jaffetwa, f'Malta qatt ma sar wisq fuq il-ħasil tal-flus, per eżempju, jinsisti l-Ministru Scicluna. 

"Fejn weħilna ġeneralment għax konna qed nuru nuqqas ta' għarfien ta' riskji mhux biss il-Gvern imma anke avukati, corporate services u oħrajn ... u anke liġijiet li joffru deterrent qawwi ma kienx hawn," jgħid il-Ministru Scicluna. 

Dwar l-evażjoni tat-taxxa l-Ministru tal-Finanzi qal illi kull min kellu ismu fuq il-Panama Papers u huwa minn Malta issejjaħ, ħadu multa u kollox waqaf hemm.  "Din ma kinitx aċċettabbli u din kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval."

Il-Ministru Scicluna jfakkar li anke għaqdiet non governattivi li qed jagħmlu l-karità jistgħu jkunu eżempji ta' riskji għaliex qal li jekk ma jkollhomx biżżejjed għarfien jistgħu jispiċċaw vejjikolu għall-ħasil ta' flus. 

"Minn punt tekniku nħoss li ssodisfajna dak li kienet qed titlob il-Moneyval."  

'Mhux se nerġa' nikkontesta'

U finalment, hekk kif wasalna fl-aħħar tal-intervista, il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Scicluna jekk hux beħsiebu jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li ġejja, bir-risposta tkun ċara "le."  Huwa jfakkar li hu kien niżel lejn Malta minn Brussell fejn kien MEP f'isem il-Partit Laburista u jgħid ukoll li hu kien kuntent ħafna hemm. 

Minkejja li ma kienx se jikkontesta l-aħħar elezzjoni ġenerali Muscat ikkonvinċieh biex joħroġ iżda issa se jieqaf. "Lill-PM infurmajtu.  U mhux minħabba raġunijiet ta' saħħa jew hekk," jaċċerta Scicluna. 

Allura dan hemm ċans li kien id-disa' u l-aħħar baġit tiegħu, tirimarka l-ILLUM.  "Iva, jekk l-elezzjoni tiġi qabel il-baġit," qal il-Ministru Scicluna jitbissem.

More in Politika