‘Importanti li żewġ persuni f’relazzjoni jikkomunikaw il-bżonnijiet sesswali tagħhom’

Fl-aħħar jiem, koppja Maltija ħabbret li se tkun qed tidħol fl-industrija tal-pornografija. Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-sesswologu u l-psikologu Nicholas Briffa biex tifhem aħjar l-effetti varji li l-pornografija jista’ jkollha fuq ir-relazzjonijiet 

Fl-aħħar jiem diversi kienu dawk li semgħu bl-aħbar, tista’ tgħid unika għal pajjiżna, li l-koppja Maltija Shyli Cassar u Jordan Grech għażlu li jidħlu fl-industrija tal-pornografija, permezz tal-pjattaforma OnlyFans.  

Fi kliem sempliċi, il-koppja, li qed isejħu lilhom infushom @MrandMrsJewels fetħu l-ħajja sesswali tagħhom għal dawk li jħallsu biex jidħlu fil-kont tagħhom fuq is-sit OnlyFans.com u jkunu jistgħu jsegwu l-materjal espliċitu li jitfgħu hemm, diversi drabi skont it-talbiet tal-istess segwaċi tagħhom. 

Iż-żewġ żgħażagħ stess qalu li fi ftit jiem, irnexxielhom jagħmlu eluf minn din ‘l-avventura.’  

Ovvjament, aħbar bħal din iġġib reazzjonijiet differenti. Mhuwiex l-irwol ta’ dan l-artiklu li jidħol f’dawn l-argumenti morali dwar jekk hux qed jagħmlu sew jew le. Hemm min qed jgħid li qed jagħmlu ħażin u hemm min qed jisħaq li għandhom l-età tagħhom, allura jagħmlu dak li jħossu.  

Jista’ jkun hemm ukoll min jitħajjar, anke għax jara li dawn it-tnejn qed jagħmlu suċċess u qed idaħħlu kemxa flus mhux ħażin. Għalhekk il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-sesswologu u l-psikologu Nicholas Briffa biex tifhem aħjar l-effett li l-pornografija jista’ jkollha fuq ir-relazzjonijiet.  

Il-gazzetta ILLUM bdiet tistaqsi lis-sesswologu għaliex kopja tista’ tagħżel li tiftaħ fil-beraħ il-ħajja sesswali tagħha permezz tal-pornografija u x’effett dan jista’ jkollu fuq il-koppja nnifisha. 

Briffa rrikonoxxa li dan is-suġġett ftit li xejn huwa riċerkat f’Malta, anke għax dak li qed jagħmlu din il-koppja huwa pjuttost xi ħaġa ġdida għal pajjiżna. 

Is-sesswologu insista li meta koppja li tinsab f’relazzjoni tagħżel (għax ikun hemm il-kunsens miż-żewġ naħat) li tagħmel il-pornografija, iż-żewġ persuni jridu jkunu attenti għall-attenzjoni sesswali li se jkunu qed jirċievu mid-dinja esterna. 

Saħaq li jista’ jkun hemm effett mhux biss fuq id-dinamika relazzjonali tal-koppja, imma anke dik soċjali u għalhekk iż-żewġ naħat iridu jkunu lesti u jifhmu dak li deħlin għalih.  

“Hemm ċans kbir, speċjalment jekk f’pajjiż żgħir bħal Malta, li tirċievi ċertu popolarità. In-nies se jagħrfuk, se jħarsu lejk u se jitkellmu fuqek,” insista Briffa. “In-nies se jħarsu lejk, jew lejn is-sieħba tiegħek, b’dan il-mod biss.” 

Propju għalhekk li s-sesswologu insista li koppja jeħtieġ tara kif tħossha meta fit-triq xi ħadd minnhom jirċievi xi ftit ta’ attenzjoni. 

“Kif se nħossni jiena jekk fit-triq, in-nies se jwaqqfu lill-mara jew lis-sieħba tiegħi minħabba f’hekk? Kif se nħossni jekk il-mara tiġiha opportunità akbar fid-dinja tal-pornografija,” staqsa s-sesswologu. 

Għaliex tara l-pornografija minn wara dahar is-sieħeb/sieħba? 

L-ILLUM staqsiet ukoll lis-sesswologu x’effett jista’ jkollha l-pornografija fuq il-ħajja ta’ koppja, jekk xi ħadd mit-tnejn ikun qed jara l-pornografija minn wara dahar il-persuna l-oħra.

Ta’ min ifakkar li minn studju li kien għamel l-istess Briffa, fl-2018, jirriżulta li 84% tal-irġiel u 54% tan-nisa Maltin qalu li jaraw il-pornografija. 

“Meta qed tara l-pornografija minn wara dahar is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek, qed tmur kontra wieħed mill-valuri ewlenin ta’ kull relazzjoni, jiġifieri t-trasparenza,” insista s-sesswologu. 

Propju għalhekk li saħaq li persuna jeħtieġ tistaqsi diversi mistoqsijiet lilha nnifisha, fosthom x’qed tfittex mill-pornografija u li mhux qed isib fir-relazzjoni u anke għaliex ma tħossix komda tgħid lis-sieħeb jew is-sieħba. 

Nicholas Briffa
Nicholas Briffa

“Kull persuna se tagħmel interpretazzjoni differenti,” insista s-sesswologu. 

Spjega kif hemm koppji li din jarawha bħala infedeltà, għax għandek xi ħaġa li hija importanti għalik u li ma tħossokx komdu jew ma tgħaddix mingħajra (f’dan il-każ il-pornografija) u li mhux qed taqsamha mas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. 

“Ma jfissirx li f’relazzjoni koppja trid taqsam kompletament kollox, anke l-iċken affarijiet. Imma wieħed jistenna li jekk xi ħaġa għalik hija importanti, tant li ma tgħaddix mingħajrha, se taqsamha mal-persuna l-oħra fir-relazzjoni. Jiena mhux se ngħid xi dettall żgħir li ġrali l-uffiċċju, imma jekk se mmur nixtri karozza, lil mara se ngħidilha,” insista.

Sew li żewġ persuni f’relazzjoni jiddeċiedu li jaraw il-pornografija flimkien? 

Hemm imbagħad koppji li jiddeċiedu huma li jaraw il-pornografija flimkien. Is-sesswologu Briffa saħaq li mill-esperjenzi li ltaqa’ magħhom, koppja tista’ tagħmel dan għal żewġ raġunijiet, jew biex idaħħlu xi ħaġa aktar vibranti fir-relazzjoni sesswali tagħhom jew inkella biex jużawha bħala edukazzjoni sesswali. 

Iżda hawn, Briffa jagħmel twissija: “Il-pornografija tagħti stampa mċajpra tas-sesswalita. Minn kull aspett, kemm id-daqs tal-organi sesswali, kemm ir-rapport sesswali fih innifsu, min għandu jibda r-rapport u kif se jkun is-sess.” 

Filwaqt li stqarr li hemm koppji li saħqu miegħu li l-pornografija għenithom fir-relazzjoni tagħhom, Briffa insista li huwa importanti li jkun hemm edukazzjoni sesswali dwar il-pornografija biex wieħed jifhem dak li hu reali u dak li mhuwiex. Fil-fatt mhux l-ewwel darba li l-istess Briffa tkellem dwar l-importanza li l-edukazzjoni sesswali tissaħħaħ anke fl-iskejjel. 

“Hemm ħafna fil-pornografija li mhuwiex verità. Dawk li jagħmlu din l-għażla, jeħtieġ jifhmu x’inhu reali u x’mhuwiex,” kompla Briffa. 

Jekk le, hemm il-periklu, ikompli jispjega, li jinħolqu aspettazzjonijiet sesswali li ma jkunux ibbażati fuq il-kommunikazzjoni sesswali ta’ bejn il-koppja, imma fuq dak li wieħed ikun ra fil-pornografija.  

Dan jista’ jwassal biex parti mill-koppja jkollha ħafna aspettazzjonijiet, għax taħseb li huma n-norma, imma dawn ma jseħħux u allura ma tkunx sodisfatta. 

Propju għalhekk li Nicholas Briffa insista dwar l-importanza tat-trasparenza, fejn il-koppja tikkomunika l-bżonnijiet sesswali tagħha, jiġifieri r-rispett sesswali, l-aspettazzjonijiet sesswali tagħha (dak li tistenna mir-rapport sesswali) u l-pjaċir sesswali. 

“Jiena involut fil-kors ta’ Kana. Dejjem nisħaq maż-żgħażagħ dwar l-importanza li koppja tikkommunika s-sesswalità tagħha,” temm jgħid Briffa.

More in Politika