Covid-19 | L-ewwel vaċċin tal-Covid-19 f'Malta antiċipat għal Jannar ... f'sitt xhur jingħata lill-poplu kollu

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jelenka l-miżuri tal-Gvern biex jilqa' għall-Covid-19 ,waqt stqarrija Ministerjali

Chris Fearne
Chris Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne sostna - waqt stqarrija Ministerjali fil-Parlament - li f'temp ta' sitt xhur minn meta jidħol f'Malta l-vaċċin il-popolazzjoni kollha ta' Malta se tkun ġiet mogħtija din it-tilqima.  Huwa qal li l-Gvern qed jistma li jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma, sal-bidu ta' Jannar jidħol Malta l-vaċċin kontra l-virus.

Huwa elenka l-miżuri kollha li saru mill-Gvern Malti fosthom eluf ta' swab tests u xogħolijiet strutturali, fosthom biex l-isptar Mater Dei jkollu seba' ITUs - inkluż waħda għall-Covid-19.  Il-President tal-MUMN Paul Pace sostna mal-ILLUM li m'hemmx biżżejjed infermiera fl-ITU u li jekk in-numru ta' pazjenti tal-Covid-19 fl-ITU jitla' għall-imqar 20 se jkun hemm problema serja ta' nuqqas ta' infermiera.  Pace sostna illi biex l-ITU tibqa' topera kif suppost qed jiġu mislufin infermiera minn swali oħrajn bil-konsegwenza li fl-aħħar tliet ġimgħat ġew ikkanċellati madwar 50 operazzjoni kuljum.

Intant fil-Parlament Fearne fakkar li l-Gvern xtara 81 ventilator ġdid, erba' magni ġodda ta' ultra sound, 20 defibrillator, 315-il oxygen concentrator u 600 sodda ġdida.  Huwa fakkar ukoll illi l-Gvern xtara 26 miljun pari ta' ingawnti, 630,000 hand sanitizer, 28 sodda fl-Isptar St. Thomas, 114-il sodda fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.

Huwa temm jirringrazzja lill-frontliners kollha.

 

More in Politika