Baġit 2021 | Il-Gvern jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex ikun jista' jagħti għajnuna diretta lill-Air Malta

Il-Gvern se jniedi Design Contest bil-għan li jitfassal Pjan Ħolistiku għar-Riġenerazzjoni ta’ diversi żoni turistiċi

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Gvern se jkun qed jitlob il-permess mingħand il-Kummissjoni Ewropea biex ikun jista' jagħti dak magħruf bħala State Aid (jiġifieri għajnuna diretta) lil-Linja Nazzjonali tal-Ajru.

"Il-Gvern jinsab kommess li jgħin lill-Air Malta tirkupra parti mit-telf li għamlet minħabba l-pandemija," insista l-Ministru fid-diskors tiegħu tal-Baġit 2021. "L-Air Malta kienet, għadha u tibqa’ waħda mill-pilastri l-iktar importanti għall-ekonomija Maltija."

Fakkar li waqt il-pandemija,  l-Air Malta operat ‘life line schedule’ sabiex il-pajjiż baqa’ b’konnettività mal-Ewropa u b’hekk ġie assigurat li persuni Maltin maqbudin barra minn Malta jkunu jistgħu jinġiebu lura.

Strateġija aġġornata għall-iżvilupp tat-turiżmu

Apparti minn hekk il-Gvern insista li mhux biss se jkompli jgħin lis-settur turistiku b'diversi miżuri, iżda fil-ġimgħat li ġejjin se tkun varata  strateġija aġġornata għall-iżvilupp tat-turiżmu.

Qal li dan se jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta’ bidu ġdid tal-industrija tat-turiżmu msejsa fuq sisien aktar sostenibbli u kompetittivi u li jimmiraw għal aktar kwalità.

Din l-istrateġija għandha twassal sas-sena 2030.

Avvenimenti u Marketing...

Il-Ministru Scicluna insista li apparti pakkett ta’ inċentivi ta’ promozzjonijiet internazzjonali biex ikunu attirati aktar turisti lejn Malta u anke l-finanzjament ta' numru ta’ avvenimenti li jkunu mqassma matul is-sena kollha, il-Gvern se jaħdem biex jistimola aktar is-settur importanti tal-konferenzi u l-inċentivi.

"Sejrin inkomplu ntejbu l-prodott turistiku, li tinkludi wkoll ir-riġenerazzjoni u ż-żamma fi stat tajjeb taż-żoni turistiċi. Għaldaqstant matul is-sena d-dieħla se nkunu qed inniedu Design Contest bil-għan li jitfassal Pjan Ħolistiku għar-Riġenerazzjoni ta’ diversi żoni turistiċi," insista l-Ministru.

More in Politika