Appell għall-infurzar u twissija ta' nuqqas ta' infermiera fl-ITU għal numri kbar ta' pazjenti

L-MUMN tgħid illi żieda kbira fin-numri ta' każi ta' Covid-19 hija "katastrofika" għas-sistema tas-saħħa u għall-ekonomija

(Arkivji)
(Arkivji)

Il-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) appellat għall-infurzar u lill-pubbliku biex isegwi r-regoli li huma relatati mal-Covid-19 għax sostniet li ż-żieda fil-każi tal-Covid-19 kuljum "żgur li se jkollha impatt negattiv fl-isptarijiet, inkluż fil-kura primarja, djar tal-anzjani u l-Isptar Mater Dei."

Il-unjin fakkret li żieda fil-każi tfisser aktar nies fl-isptarijiet biċ-ċans li tiżdied l-imxija fi strutturi tas-saħħa wkoll. 

L-MUMN qalet illi l-pressjoni kbira fuq l-infermiera, speċjalment fl-ITU, diġa' qed tħalli l-effett tagħha u fakkret illi ma hemmx biżżejjed infermiera mħarrġa fl-ITU għal numri kbar ta' każi.  "Mhuwiex biss in-numru ta' sodod li huwa importanti fl-ITU.  Kull sodda jeħtieġ ikollha infemiera speċjalizzata li tagħti kura intensiva u tuża ventilators."

Għalhekk l-MUMN talbet għal laqgħa mat-tmexxija tal-Isptar Mater Dei biex din il-kwistjoni tkun diskussa. 

 Temmet tfakkar li numri kbar ta' każi hija "katastrofika" għas-sistema tas-saħħa u għall-ekonomija wkoll. 

More in Politika