Pass ‘il quddiem jew erġajna kliem fil-vojt? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

Il-Kummissjoni Ewropea mbottat ‘il quddiem Patt ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil bil-għan li l-pajjiżi kollha tal-UE jkunu qed jerfgħu biċċa mill-piż waqt li tistabbilxxi proċeduri aktar effikaċi u effettivi. Iżda x’jinkludi eżatt dan il-Patt. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-punti ewlenin...

Jekk hemm kwistjoni li l-Unjoni Ewropea falliet dwarha bla dubju hija dik tal-migrazzjoni. In-nuqqas ta’ azzjoni konkreta u tal-qsim tar-responsabbilità bejn l-Istati Membri naqqset il-fiduċja ta’ bosta fl-Unjoni Ewropea.

Biex tibni mill-ġdid din il-fiduċja, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Patt ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.

Il-Patt għandu l-għan li jistabbilixxi proċeduri għal għal ġestjoni aħjar u aktar effikaċi fis-sistema kollha tal-ażil u l-migrazzjoni u fuq kollox bilanċ bejn il-prinċipji ta’ tal-qsim ġust tar-responsabbilità u s-solidarjetà.

Mela fi kliem sempliċi, permezz ta’ dan il-Patt, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi dawk li hi qed issejħilhom “soluzzjonijiet Ewropej komuni għal sfida Ewropea” u tistabbilixxi “sistema ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni” li hija “prevedibbli u affidabbli.

Dawn ta’ hawn taħt huwa l-aktar punti importanti ta’ dan il-Patt:

Ritorn aktar effettiv ta’ dawk il-persuni li mhux intitolati għall-ażil

Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dan il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil huwa li jħaffef il-proċess biex persuni li mhumiex intitolati għall-ażil, jiġifieri għall-protezzjoni, jkunu rritornati lura lejn pajjiżhom. Fil-fatt, il-Patt jistabbilixxi li l-applikazzjoni ta’ dawn il-persuni għandha tkun ipproċessata fi żmien 12-il ġimgħa (liema perjodu jinkludi wkoll id-dritt li persuna tappella).

Ta’ min isemmi li madwar żewġ terzi ta’ dawk li jitolbu l-ażil fl-Unjoni Ewropea u li jkollhom l-applikazzjoni tagħhom miċħuda, xorta waħda qed jispiċċaw jeħlu, għal diversi snin, fil-pajjiżi li fihom ikunu waslu.

Fil-fatt, meta dan il-Patt kien qed jitħabbar, il-Kummissarju Ewropew għall-Intern, Ylva Johansson, għamlet referenza għal dan u saħqet ukoll kif dawn l-istess persuni ħafna drabi qed jitħallew fl-għama dwar l-applikazzjoni tagħhom.

Għalhekk, skont il-Patt il-ġdid, l-applikanti li ġejjin minn pajjiżi b’rati baxxi ta’ rikonoxximent għall-protezzjoni internazzjonali, se jkollhom l-applikazzjoni tagħhom ipproċessata fuq il-fruntiera fi żmien 12-il ġimgħa.

L-għan tal-proċedura ta' ażil fil-fruntiera huwa li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jeżaminaw talba mingħajr ma jingħata dħul fit-territorju. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-detenzjoni.

Ir-regoli l-ġodda jispeċifikaw ukoll li ordni ta’ ritorn trid tinħareġ simultanjament mad-deċiżjoni negattiva dwar l-ażil. Hekk ikunu qed jitħaffu l-prattiki eżistenti. 

Fil-fatt, l-Istati Membri qed ikunu mitluba jistabbilixxu mekkaniżmu ta' monitoraġġ indipendenti. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali se tipproponi linji gwida għal dan.

Se titwaqqaf ukoll Aġenzija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil li se tkun qed timmoniterja wkoll is-sistemi tal-ażil.

Solidarjetà Mandatorja imma flessibli fl-istess ħin

Aspett ewlieni ta’ dan il-Patt jindirizza l-kwistjoni ta’ pajjiżi, bħall-Polonja, l-Ungerija u l-Awstrija, li jkunu kkritikati kontinwament li mhux qed jaċċettaw li jieħdu immigranti u mhu qed jagħmlu xejn biex jaqsmu ftit mill-piż li ħafna drabi qed jispiċċaw iġorru pajjiżi fuq il-fruntieri esterni tal-UE, bħal Malta, l-Italja u Ċipru.

Ta’ min ifakkar f’dak li kien qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo ftit tal-ġimgħat ilu, jiġifieri li fl-aħħar 15-il sena, 8% biss ta’ dawk il-persuni li talbu l-ażil kienu rrilokati f’pajjiżi oħra membri fl-Unjoni Ewropea.

“Il-Patt il-Ġdid jagħraf li l-ebda Stat Membru ma għandu jerfa' responsabbiltà sproporzjonata u li l-Istati Membri kollha jeħtieġ li jikkontribwixxu b'mod kostanti għas-solidarjetà,” jisħqu r-regoli l-ġodda.

Fil-fatt, jekk pajjiż, bħal ngħidu aħna Malta, tisħaq li ma tkunx tiflaħ għal aktar immigranti, se tkun tista’ ‘tattiva’ dan il-mekkaniżmu biex hekk l-istati kollha se jkunu mitluba biex jikkontribwixxu. Il-Kummissjoni se tkun qed ‘torganizza’ din is-solidarjetà.

Fi kliem sempliċi, l-Istati Membri se jkollhom iċ-ċans jagħżlu jirċevux uħud minn dawk li jkunu qed jitolbu l-ażil, jew inkella “jisponsorjaw,” jiġifieri jgħinu (anke finanzjarjament u loġistikament) fir-ritorn ta’ immigranti li ma jkunux ikkwalifikaw għall-protezzjoni, fost kontribuzzjonijiet oħra.

Imma xi jfisser aħjar dan ir-ritorn sponsorjat?

Fi kliem sempliċi, stat Membru jimpenja ruħu li jirritorna l-immigranti irregolari (li ma jkunux ikkwalifikaw għall-ażil) f'isem Stat Membru ieħor, billi jagħmel dan direttament mit-territorju tal-Istat Membru benefiċjarju.

L-Istat Membru ‘sponsor’ jista’ pereżempju, jipprovdi konsulenza dwar ir-ritorn lill-immigranti irregolari għall-ritorn volontarju, joffri appoġġ finanzjarju u prattiku biex jassisti r-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni tagħhom jew imexxi djalogu ta' politika ma' pajjiżi mhux tal-UE f'isem Stat Membru ieħor biex jiffaċilita l-identifikazzjoni u r-ritorn. 

Jekk dawn il-persuni ma jkunux irritornaw fi żmien tmien xhur, dawn jiġu trasferiti għat-territorju tal-Istat Membru ‘sponsor’ biex il-proċedura ta' ritorn tintemm minn hemm. Dan ifisser, li jekk pereżempju l-Polonja tkun responsabbli mir-ritorn ta’ persuni li jinsabu Malta biex ikunu rritornati fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, jekk ma jirnexxilux jagħmel dan fi żmien tmien xhur, l-istess persuni jiġu rrilokati għall-Polonja biex il-proċess ikun jista’ jkompli minn hemm. 

X’jistgħu jkunu kontribuzzjonijiet oħra ta’ solidarjetà?

Apparti dawk imsemmija aktar qabel, stati membri jistgħu jagħżlu kontribuzzjonijiet oħra biex jgħinu lill-pajjiżi l-aktar milquta u biex jgħinu fil-ġestjoni ta’ persuni li jkunu qed jitolbu l-ażil.

Fost dawn, pajjiż jista’ jagħżel li jgħin pajjiż ieħor fit-tisħiħ ta’ infrastruttura biex tkun imsaħħa l-kapaċità ta' akkoljenza.

L-assistenza tista’ tkun ukoll waħda finanzjarja jew inkella materjali jew mezzi ta’ trasport għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. 

Imma kif se tkun ikkalkulata l-kwota ġusta tal-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà għal kull stat membru?

Il-gwida li se tkun qed tintuża biex tiġi kkalkulata l-kwota ġusta tal-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà għal kull Stat Membru se tkun ibbażata fuq żewġ kriterji:

  • Id-daqs tal-popolazzjoni, u 
  • Il-Prodott Domestiku Gross ta’ kull stat membru.

“Din il-gwida ta' tqassim sempliċi hija kkumplimentata minn elementi ta' flessibbiltà maħsuba biex iqisu l-isforzi li l-Istati Membri jkunu għamlu fil-passat u jirriflettu l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil li jirċievu,” jgħid ukoll il-Patt.

Regolament ġdid dwar l-Iscreening tal-Immigranti 

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi wkoll limitu ta’ ħamest ijiem li fihom għandu jsir l-iscreening tal-immigranti rregolari kollha.

Bħalissa, l-uniku ħaġa li ssir hija li jittieħdu l-marki tas-swaba u jsir ir-reġistrazzjoni ta’ dawk li qed jitolbu l-ażil.

Madanakollu, issa l-Kummissjoni Ewropea qed titlob ukoll verifika il-verifiki tas-saħħa u s-sigurtà ta’ kull persuna.

Meta jintemm dan l-iscreening, kull persuna tkun diretta lejn il-proċedura li tapplika għalija, jiġifieri ażil jew ritorn, fil-fruntiera jew le (kif spjegat aktar qabel).

X’jgħid il-Patt dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ?

Il-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jitkellem ukoll dwar it-tiftix u s-salvataġġ.

“Il-Patt jirrikonoxxi l-ispeċifiċità tat-tiftix u s-salvataġġ fuq il-baħar – li huwa obbligu legali. Filwaqt li t-tiftix u s-salvataġġ u l-iżbark huma r-responsabbiltà tal-istati kostali, il-ġestjoni tal-migrazzjoni hija responsabbiltà tal-UE kollha kemm hi,” jgħid ċar u tond il-Patt. 

Fil-fatt, l-għan tal-Kummissjoni huwa li ssolvi l-kwistjonijiet li jinqalgħu kontinwament bejn stati membri u anke l-bastimenti tal-NGOs li jsalvaw l-immigranti billi twiegħed rilokazzjoni wara l-iżbark.

“Ir-rakkomandazzjoni tfakkar ukoll fl-obbligu skont id-dritt internazzjonali li jiġi żgurat l-iżbark rapidu fl-eqreb port tas-sikurezza,” jisħaq il-Patt. 

Il-Kummissjoni se tkun qed toħloq dak li qed jissejjaħ “Grupp ta’ Kuntatt Ewropew” tal-Istati Membri dwar it-tiftix u s-salvataġġ, bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni, jinqasam l-għarfien u anke l-aħjar prattiki f’dan il-qasam.

Minkejja dan kollu, il-Patt jonqos milli jipprovdi kwoti obbligatorji għar-rilokazzjoni.

Intant il-gazzetta ILLUM ħadet ukoll il-kummenti tal-MEPs Roberta Metsola u Miriam Dalli:

'Pass ’il quddiem imma mhux perfett' - Roberta Metsola

Dak li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea hu żvilupp importanti. Hu pass ’il quddiem imma mhux perfett. Qed jiġu proposti inizjattivi ta' solidarjeta' li jkomplu jibnu fuq dak li ġie deċiż fil-Parlament Ewropew u jkomplu jibnu fuq il-liġi li nnegozjat is-sena li għaddiet li permezz tagħhha jiġu impjegati 10,000 gwardjan biex iħarsu l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.  Il-proposti jagħmluha ċara kif pajjiżi għandhom jerfgħu r-responsabbilita' ta' rilokazzjoni u ritorn biex immigranti li m'għandhomx dritt jibqgħu fl-Ewropa jmorru lura b'mod sigur. Bħalissa 60% ta' dawk li jidħlu fl-Unjoni Ewropea m'għandhomx dritt għall-protezzjoni.   

Dak li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea mhux il-konkluzjoni ta' proċess. Issa jridu jsiru negozjati li fihom jipparteċipaw il-pajjiżi kollha Hemm affarijiet li għadhom m’humiex ċari għal kollox. Jeħtieġ li naraw x’se jsir fuq dak il-pajjiż li jibqgħu isostnu li kollox għandu jibqa’ kif inhu. Hemm bżonn li l-affarijiet ikunu aktar ċari fejn jidħlu l-proċeduri li jtaffu l-piż minn fuq Malta u pajjiżi bħalna. Hemm bżonn miżuri li jipprevenu l-abbużi. 

L-immigrazzjoni qegħda fuq l-aġenda Ewropea. Il-Gvern irid jaħdem, isostni l-pożizzjoni ta’ Malta, ikun konsistenti u jikkonvinċi. Hemm bżonn ħidma ma taqta’ xejn. Din hi opportunità ta’ inizjattivi ġodda li l-Gvern irid jibni fuqhom biex jittieħdu deċiżjonijiet li jgħinu lil Malta, bi dritt. 

'Jien irrid Patt li jgħin lil pajjizi bħal Malta u mhux iħalluna fl-istess sitwazzjoni' - Miriam Dalli

Grazzi għall-ħidma tad-delegazzjoni Laburista u l-Gvern Malti il-Kummissjoni Ewropea (KE) qed tirrikonoxxi li Malta qed tiffaċċja piż sproporzjonat fejn tidhol l-immigrazzjoni rregolari. Għall-ewwel darba l-Kummissjoni Ewropea qed tagħraf li d-dħul illegali ta’ nies f’pajjiż wieħed, huwa dħul illegali fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Imma l-kliem mhux bizejjed. Mid-diskors rridu ngħaddu għall-fatti.

Ir-riżultat u l-impatt tal-Patt dwar l-immigrazzjoni fuq Malta nistgħu nkejluh biss meta dak li qed jiġi propost jiġi tradott f’leġiżlazzjoni.

Bħalissa għad fadal hafna mistoqsijiet li għad irid jiġu ċċarati. Fost l-oħrajn il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li, dawk il-pajjiżi li ma jiħdux sehem fir-rilokazzjoni iridu jgħinu billi jirritornaw immigranti li mhumiex intitolati għall-protezzjoni. Imma ghadu mhux ċar dan kif se jaħdem bl-eżatt u kemm se jkun effettiv. F’dan il-Patt mhux qed naraw rilokazzjoni mandatorja, miżura li jekk ma tiġix introdotta ma tkunx qed tingħata għajnuna tanġibbli lill-pajjiżi li qegħdin fuq il-fruntiera. Fl-aħħar mill-aħħar jien irrid Patt li jgħin lil pajjizi bħal Malta u mhux iħalluna fl-istess sitwazzjoni. 

More in Politika