Analiżi | Ir-rebħa ta' Grech u t-telfa ta' Delia - Il-fatturi li waslu għar-riżultat

Nhar is-Sibt 3 ta' Ottubru rriżulta li Bernard Grech rebaħ l-elezzjoni  għall-Kap tal-PN bil-kbir.  Kiseb 12,663 vot jew 69.3% filwaqt li Delia kiseb 5,622 jew 30%  tat-tesserati nazzjonalisti ... imma x'wassal għal dan ir-riżultat

Għaddiet l-ewwel ġimgħa ta' Bernard Grech bħala d-disa' Kap Nazzjonalista wara rebħa mhux biss konvinċenti - imma sorprendenti (għal dawk li ma kellhomx aċċess għan-numri u s-surveys interni) u inekwivoka.  Dan ifisser illi t-tesserati mhux biss taw rebħa lil Grech imma tawh rebħa li ma tħalli ebda dubji dwar il-leġittimità tiegħu kif ukoll li tnaqqas iċ-ċans illi l-partit jinqasam fi tnejn. 

F'din l-aħħar analiżi tal-gazzetta ILLUM li titratta l-elezzjoni fil-Partit Nazzjonalista se nagħtu ħarsa lejn għalfejn Delia tilef l-elezzjoni interna daqstant bil-kbir, filwaqt li nanalizzaw għaliex Grech rebaħ daqstant bil-kbir ukoll

Adrian Delia: Kampanja fuq id-difiża!

L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kellu problema waħda u kbira li rriżultat f'kull intervista li kellu prattikament fuq kull stazzjon, gazzetta jew portal.  Delia dejjem spiċċa jirribatti u jitkellem fuq il-passat, fuq il-pożizzjoni li ħa fuq nies bħal Simon Busuttil, fuq dak li ġara fil-PN fit-tliet snin li għamel Kap u fuq dak li għamel jew inkella ma għamilx biex iressaq nies ġodda lejn il-partit. 

Wieħed jifhem illi Delia kellu kull dritt li jiddefendi t-track record tiegħu - u xi minn daqqiet dan għamlu b'suċċess.  Il-problema hija li filwaqt illi ħafna tesserati bdew jifhmuh dwar il-passat, ma bdewx jaraw futur bih fit-tmun tal-partit. 

L-agħar żball strateġiku ta' Delia kien li wiegħed il-kontinwità meta kien ċar illi ħafna Nazzjonalisti - tesserati jew altru - ma riedux kontinwità ta' telf, umiljazzjonijiet u ġlied intern.  U din hija xi ħaġa li t-tim ta' Delia ċarament issottovaluta.  Kien hemm sentiment  b'saħħtu illi l-partit hemm bżonn jingħaqad u jgħaqqad il-forzi tiegħu kollha flimkien - u ħafna ħassew li b'Delia fit-tmun dan ma seta qatt jiġri. 

Filwaqt li dan ma jfissrix li Grech se jkun is-soluzzjoni f'għajnejn bosta - ma nafux kemm, imma kien sentiment komuni -  filwaqt illi dak li seħħ lil Delia ma kienx ġustifikat, Delia kien baqa' parti mill-problema ta' firda u allura għal dawn ma seta' qatt ikun parti mis-soluzzjoni. 

L-għaqda - juru anke sondaġġi interni - kienet l-aktar ħaġa importanti għat-tesserati tal-PN u l-attakk kontinwu - ġustifikat jew le - fuq deputati nazzjonalisti, uffiċjali u anke fuq Bernard Grech ('traditur', 'opportunist' u aktar) mhux talli għenu lil Delia talli saħħu l-immaġini li huwa, bħar-ribelli, parti mill-problema. 

Delia kien kontinwament fuq id-difiża  - biżżejjed wieħed jara intervista li organizzat il-kampanja ta' Delia stess ma' Simon Mercieca, illi fiha għal ħin twil spiċċa jiddefendi l-akkużi kontrih  - li wħud minnhom għad iridu jkunu pprovati foloz jew le - u anke jwieġeb l-attakki lejh minn nies fil-PN.  Minkejja li Delia seta' kellu raġun fid-difiża tiegħu, fuq in-naħa l-oħra Bernard Grech kien qed jipproġetta lilu nnifsu bħala l-aġent tal-għaqda u Kap tal-futur bil-linja ta' mistoqsijiet u tweġibiet jkunu proprju dwar il-futur. 

Dan ta l-impressjoni u saħħaħ il-perċezzjoni - u sfortunatament għalih, ikkonfermata mill-kampanja tiegħu stess - illi Delia kien maqbud fil-passat filwaqt li Grech kien ir-risposta għall-futur.

Il-kontinwità kienet karta li lagħab b'suċċess Robert Abela - għaliex il-membri tal-Partit Laburista, minkejja l-mod xejn ċerimonjuż li bih spiċċa Joseph Muscat mill-kariga, il-protesti u t-tensjoni politika fil-pajjiż, xorta kien hemm sentiment illi l-PL kien qed jagħmel suċċessi elettorali u ekonomiċi u kellu jibqa għaddej f'dik it-triq.  F'Jannar li għadda l-PL kien diġa' għadda minn ħames rebħiet (nazzjonali) rekord b'distakk ta' akbar minn 33,000 vot fuq il-PN.

Is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista hija differenti ħafna  - l-antiteżi fil-fatt - għax l-elezzjoni tas-Sibt kienet f'kuntest tal-istess elezzjonijiet nazzjonali iżda fihom kollha l-PN kien dejjem bi 33,000 vot minn taħt.  Is-sondaġġi xjentifiċi tal-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna (Mediatoday) kienet ilha tindika tliet affarijiet. L-ewwelnett li l-f'termini ta' fiduċja Delia kienu ilu aktar minn sena u nofs ma jaqbeż l-20%.  It-tieninett li is-sondaġġi kienu qed jindikaw distakki akbar - kif fil-fatt ġara is-sena l-oħra fejn il-PN tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew (-42,000) kif ukoll tal-Kunsilli Lokali kollha ta' Malta (-47,000).  Finalment, is-sondaġġi juru illi minkejja li jibqa' minn taħt, Bernard Grech inaqqas id-distakk bejn il-partiti, anke jekk iħalli distakk kbir bejnu u Robert Abela. 

Il-kontinwinità ma messha qatt kienet fil-vokabularju ta' Delia. 

... kampanja fqira

Il-kampanja ta' Delia kienet fqira, anke jekk dik ta' Grech ma kinitx xi waħda eċitanti ħafna!  Grech tul il-kampanja u anke wara għamel referenza għas-600 voluntier fil-kampanja tiegħu.  Lilhinn mill-veraċità jew le ta' dan in-numru u m'għandniex għalfejn niddubitawh, kien ċar illi wara Grech kien hemm l-imħuħ tal-partit li kienu qed jagħmlu l-istħarriġ xjentifiċi b'mod professjonali u li kellu tim warajh li kien qed jieħu ħsieb  l-immaġini ta' Grech, il-filmati, id-dettalji żgħar fuq il-programmi, b'nies li bnew kuntatt u żammewh tul il-kampanja, mal-midja.  

Delia kien jinħass illi ma kellux l-istess tip ta' appoġġ b'nies li qatt ma ħadmu fl-istrateġija politika, li qatt ma ħadmu u ma jafux kif taħdem il-midja u li ma kinux qed jagħmlu sondaġġi professjonali, bil-konsegwenza li bdiet tingħata impressjoni li mhix minnha f'termini numerċi. 

L-akbar qawwa tal-kampanja ta' Delia kienu l-istejjer fil-konfront ta' Grech - primarjament dik tat-taxxa - li jekk xejn bniet il-perċezzjoni li fuq materja ta' ħlas ta' taxxa iż-żewġ kandidati kienu fl-istess ilma. 

Din l-istorja - żvelata fuq din il-gazzetta - kienet effettiva għall-kampanja ta' Delia fis-sens illi qajmet dubji u biddlet il-burdata dwar Grech.  Li ma bidtlitx iżda kienet l-intenzjoni tal-vot.  Il-mistoqsija fil-fatt hija jekk qattx kien hemm xi forma ta' ċans matul il-kampanja li dak il-vot jinbidel jew inkella li Delia jagħmel gwadann konsiderevoli. 

Bernard Grech: In-nies kienu ilhom deċiżi

Jidher ċar mis-sondaġġi u n-numri li kienu qed jaslu għand din il-gazzetta li n-numri qatt ma nbidlu wisq, fis-sens illi dejjem kienu qed jindikaw riżultat pożittiv ħafna (li forsi qabel is-Sibt kien jidher wisq ottimist) ta' madwar 70%/30% għal Grech.  

Minn madwar ħames sondaġġi xjentifiċi kien ċar illi ċ-ċaqlieq ma kienx wieħed kbir u maġġoranza qawwija ta' tesserati kienu deċiżi dwar il-vot mill-mument  illi dan isejjaħ. 

Grech kellu biss jaċċerta illi jżomm il-livelli ta' appoġġ li kellu jew inkella jekk jitlef minn dak l-appoġġ, ma jkunx ħafna. 

Issa naturalment il-logħba għalih hija kompletament differenti, b'avversarju li huwa preparat, għandu l-flus u skont l-aħħar sondaġġi jinsab madwar 30,000 vot minn fuq. 

L-għaqda - l-aqwa kelma, l-akbar sfida!

Kieku kellna nitfgħu kelma fuq nett fil-lista ta' raġunijiet li għalihom Grech kien elett naslu għal kelma 'għaqda'.  Hija din li probabbilment tat lil Grech ir-rebħa li tagħtu, bil-kobor li rriżultat f'distakk hekk kbir (7,011-il vot). 

Ħafna tesserati probabbilment raw illi permezz ta' Grech il-PN jista' jkollu ċans illi jibda jingħaqad. 

Minkejja tliet riżenji ta' madwar sitt Kunsilliera li kienu parti mit-tim tal-kampanja ta' Adrian Delia u xi persuni li waqqfu t-tesseri - li hija notevoli, imma lanqas tista' ssejħilha eżodu - wieħed irid jagħti ftit żmien - imqar l-ewwel 100 jum ta' Grech biex jevalwa u janalizza aħjar l-istil ta' tmexxija tiegħu, kif se joħroġ idejh u jibni pontijiet ma' Adrian Delia u dawk li appoġġjawh.

It-test veru tal-għaqda għad irid isir però sa issa t-tesserati Nazzjonalisti - fil-maġġoranza l-kbira tagħhom -  urew illi l-wiegħda tal-għaqda hija dik li l-aktar se jżommu lil Grech kontabbli fuqha, bil-progress elettorali jiġi xi mkien wara. 

Dan ifisser illi l-akbar vantaġġ ta' Grech sa qabel is-Sibt li għadda - u allura l-perċezzjoni illi jista' jkun parti mis-soluzzjoni għall-PN - issa se jsir l-akbar sfida. 

Kif intqal f'waħda mill-analiżijiet ta' qabel l-elezzjoni tas-Sibt din il-gazzetta kienet aċċennat għall-fatt li qed ikun issottovalutat kemm ħafna votanti nazzjonalisti jħossu li l-partit tant ġie umiljat u tilef fl-aħħar 10 snin li kienet meħtieġa l-bidla.  Dan fisser illi kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni u l-abort, minkejja li seta' kellhom toqol fuq l-impressjoni ta' votanti nazzjonalisti, laburisti u floaters fuq il-kandidati ma jidhirx li kien hemm xi effett partikolari fuq il-vot tas-Sibt li għadda. 

Kieku kellna nxebbħu l-vot naslu ngħidu li kien riskju kkalkulat bit-tama li l-affarijiet fil-PN jiċċaqalċu xi ftit u jonqos id-distakk. 

Għal darb'oħra jekk dan hux se jiġri jew le għad iridu naraw. 

Kampanja aktar pożittiva u organizzata

Kien jinħass li l-kampanja ta' Bernard Grech kienet iktar qed tiffoka fuq messaġġi pożittivi bħall-għaqda u t-tisħiħ, filwaqt li minkejja illi Grech kien fl-għajn tal-kritika diversi drabi u fiċ-ċentru ta' dik illi nħasset li hija kampanja mill-Partit Laburista kontrih - filwaqt li kellu fuq għonqu stejjer dwar ħlas ta' taxxa - jidher illi l-kampanja ftit li xejn qatt marret fuq id-difensiv sal-punt ukoll li inħass li Grech ma riedx iwieġeb dwar il-kwistjoni tat-taxxa. 

Il-fatt illi Grech kien kontinwament mistoqsi 'kieku kont PM int x'kont tagħmel?' jew 'x'tipproponi li jsir jekk inti tkun Kap tal-Oppożizzjoni?' issolidifikat il-perċezzjoni li huwa l-persuna li se tieħu lill-PN għall-futur immedjat. 

Dan ifisser li minkejja li kellu inqas akkużi fil-konfront tiegħu Grech kien inqas ħerqan li jqatta' ħafna mill-ħin tal-kampanja tiegħu jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu. 

Il-kampanja ta' Grech kienet iktar organizzata wkoll b'ħafna nies li  - tajjeb jew ħażin, ħobbhom jew għobodhom għandhom esperjenza vasta fl-organizzazzjoni ta' attivitajiet u kampanji f'termini loġistiċi u ta' messaġġ.  Meta rebaħ, fil-kamra fejn kien Grech kien hemm ukoll Chris Said - eks Segretarju Ġenerali tal-PN u Michael Fenech Adami li kien l-organizzatur ta' attivitajiet u loġistika ta' kampanji u anke protesti.  Ma' dawn Grech qal li kien hemm 600 voluntier li naturalment ifisser illi kien hemm xibka organizzata ta' nies li kienu qed iċemplu u jorganizzaw laqgħat bejn Grech u tesserati - inkluż ma' tesserati li forsi biddlu l-vot tagħhom u ma baqgħux jappoġġjaw lil Adrian Delia.

More in Politika