Għaqdiet oħrajn tal-kaċċaturi jilmentaw li tħallew barra u ma ġewx ikkonsultati fuq il-Miżieb

Kaċċaturi San Ubertu u l-Moviment Kaċċaturi, Nassaba, Ambjentalisti - jgħidu li ma ġewx ikkonsultati jew informati dwar ftehim mal-FKNK u l-art fil-MIżieb

Apparti l-kritika qawwija li qed jirċievi l-Gvern minn diversi ambjentalisti fuq il-ftehim li għamel dwar art fil-Miżieb, issa kien imiss żewġ għaqdiet tal-kaċċaturi stess li lmentaw mal-Gvern - din id-darba għax jgħidu li tħallew barra mill-proċess u ma ġewx ikkonsultati qabel l-art ingħatat lill-FKNK. 

L-għaqda Kaċċaturi San Ubertu li tisħaq illi tirrapreżenta 3,000 kaċċatur fi stqarrija sostniet li bħala prinċipju li tilqa' d-deċiżjoni ta’ dan il-ftehim "għax huwa pass li juri fiduċja mill-awtoritajiet f'għaqda ta' kaċċaturi u nassaba biex tmexxi art pubblika. Iżda tixtieq tippreċiża li f’dawn l-artijiet, kontra kif qed jissemma li ingħataw lil-kaċċaturi, Kaċċaturi San Ubertu u l-membri tagħha qatt ma’ kienu involuti jew ikkonsultati. Kaċċaturi San Ubertu tixtieq tiċċara wkoll li bħala għaqda volontarja awtonoma l-ebda membru tagħha ma’ jitħalla jidħol f’dawn l-artijiet."

Din l-għaqda sostniet li kull ċittadin Malti għandu dritt daqs ħaddieħor biex jidħol ġo kwalinkwe art publika.  "M'għandu jkun hemm l-ebda preferenza u restrizjonijiet ta’ minn jidħol u meta."

Intant f'ittra lill-Prim Ministru Edward Decelis f'isem il-Moviment Kaċċaturi, Nassaba Ambjnetalisti sostna illi l-għaqda hija mwaqqfa bil-liġi u rreġistrata u saħaq illi din la kienet taf u lanqas ġiet infurmata b'dan il-qbil.  L-għaqda sostniet li ma taqbel xejn li ssir diskriminazzjoni bejn kaċċatur u ieħor u fakkret li kulħadd iħallas il-liċenzja bla distinzjoni.

More in Politika