Bernard Grech jakkuża lil Parnis b'diżrispett wara 'li qal illi ħadd ma miet bil-Covid-19 biss'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jakkuża lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis illi huwa insensittiv lejn il-41 vittma ta' Covid-19 għax 'qiegħed ifarfar minflok jieħu responsabilità'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista reġa' talab għar-riżenja ta' Silvio Parnis, Segretarju Parlamentari tal-Anzjani, wara li lbieraħ fuq il-programm Xtra qal li ħadd ma miet bil-Covid-19 biss.  Hu qal ukoll li kien f'kuntatt ma' familji li kellhom qraba li mietu u sostna illi mhux kulħadd qed jitfa' l-ħtija fuq il-Gvern. 

"Ninkwieta kieku ma għamilt xejn quddiem din il-pandemija.  Għamilt u se nkompli nagħmel," saħaq Parnis fuq Xtra. 

Grech iżda saħaq illi "huwa insult għall-41 vittma li ħallewna kawża ta' dan il-virus u l-ammont sostanzjali ta' nies infettati kuljum li min suppost qed jagħmel xogħlu biex jipproteġi u tal-inqas jagħti stampa ċara lill-anzjani, qiegħed minflok ifarfar."

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN qal illi diversi vittmi stqarrew li l-qraba tagħhom ma kellhom l-ebda kundizzjoni medika oħra, waqt li oħrajn kellhom kundizzjonijiet komuni ħafna fost il-popolazzjoni anzjana u dawk ta' età iżgħar.

"Wara dawn id-dikjarazzjonijiet, speċjalment għaliex b'diżrispett kbir lejn il-vittmi u l-familji tagħhom qal li hu kuntent bix-xogħol li wettaq, il-Prim Ministru għandu minnufih jara li Silvio Parnis jerfa' r-responsabbilità politika tiegħu billi jirriżenja," temm jisħaq Grech. 

 

More in Politika