75 każ ġdid ta' Covid-19 ... il-medja titla' għal 60 każ kuljum tgħid Charmaine Gauci

Il-każi fid-Djar tal-anzjani niżlu sew, imma s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika twissi biex kulħadd jibqa' viġilanti

Charmaine Gauci, Supretendent tas-Saħħa Pubblika
Charmaine Gauci, Supretendent tas-Saħħa Pubblika

Mill-2,732 test li saru fl-aħħar 24 siegħa irriżultaw 75 każ ġdid ta' Covid-19 f'pajjiżna, l-ogħla numru ta' każi ġodda fl-aħħar ġimgħat. 

Dan ifisser li issa l-każi attivi ta' Covid-19 telgħu għal 625.  Fl-istess perjodu ta' 24 siegħa kien hemm b'kollox 31 każ ta' nies li fiequ 

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci wissiet - waqt konferenza tal-Aħbarijiet - li s-sitwazzjoni hija li l-każijiet qegħdin jerġgħu jiżdiedu u tispjega kif issa l-medja tal-aħħar sebat ijiem telgħet għal 60 każ kuljum. 

Hi spjegat kif b'kollox hemm disa' persuni fl-ITU, sebgħa fl-Infectious Diseases Unit, disgħa oħra f'wards oħrajn ta' Mater Dei, tnax fl-Isptar Boffa, 18 fl-Isptar St. Thomas u każ fl-Isptar Karen Grech. 

Gauci qalet illi għalkemm il-każi fid-djar tal-anzjani naqsu, wieħed għandu jibqa' viġilanti fid-dawl ukoll ta' numru ta' mwiet ta' anzjani fl-aħħar ġimgħat.  Fakkret lill-qraba kollha biex jieħdu l-prekawzjonijiet kollha qabel iżuru lill-anzjani.

Hija nnotat ukoll kif fl-aħħar ġimgħa kien hawn tliet każijiet ta' mwiet u kif ħafna minn dawk li mietu huma anzjani, l-aktar nies vulnerabbli għal dan il-virus.

More in Politika