Azzopardi jisħaq li l-PM ltaqa' diversi drabi ma' Delia f'Kastilja; Jistaqsi għaliex ma jridx jiltaqa' ma' Grech

Ilbieraħ Abela qal li Grech jidħol biss Kastilja meta jirnexxielu jirbaħlu u dan hekk kif il-Kap Nazzjonalista qal li se jkun qed jitlob laqgħa uffiċjali f'Kastilja

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela għaliex kien lest jiltaqa' ma' Adrian Delia darbtejn f'Kastilja u issa mhux lest jiltaqa' ma' Bernard Grech ġaladarba jieħu l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Azzopardi kien qed jirreaġixxi wara li lbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Bernard Grech stieden lilu nnifsu f'Kastilja iżda saħaq ukoll li Grech jidħol Kastilja meta jirbaħlu biss. Dan hekk kif il-Kap Nazzjonalista qal li se jkun qed jitlob laqgħa uffiċjali f'Kastilja biex jiddiskuti mal-Prim Ministru affarijiet ta' interess nazzjonali.

Iżda fuq Facebook, Azzopardi insista li Robert Abela kien lest jiltaqa' diversi drabi ma' Delia. Insista li dan seħħ nhar il-Ħamis l-1 ta' Lulju 2020 fil-5:30pm, jiġifieri ftit jiem biss qabel is-Sunday Times ħarġet l-istorja dwar il-Whatsapp Chats.

Kompla jisħaq li fit-tieni nofs ta' Awwissu u Settembru ltaqa' aktar minn darbtejn oħra ma' Kastilja. 

"Ċertament biex jiddiskuti affarijiet ta' interess nazzjonali," kiteb b'tonn sarkastiku.

Kien hawn li staqsa lil Abela għalfejn issa. "Insomma, m'hemmx għalfejn tispjegalna. Nafu għaliex," insista Azzopardi.

Hsieb tal-jum. Jekk, skond kliem Abela, biex il-Kap tal-Oppozizzjoni l-gdid jidhol Kastilja ghandu jkun rebah...

Posted by Jason Azzopardi on Monday, 5 October 2020

More in Politika