‘Jekk mhux se jkun hemm aktar għajnuna se jkun hemm min iwaqqaf il-ħaddiema’

Joe Muscat mill-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu Għawdxija jisħaq li s-sostennibilità tal-istabbilimenti turistiċi se tiddependi mill-għajnuna tal-Gvern

Is-sajf li għadda ma kienx l-aqwa wieħed għat-turisti u kien diffiċli mmens għas-settur turistiku kemm Malti u anke Għawdxi. Anke wara sajf tajjeb, ix-xitwa ġeneralment tkun diffiċli għall-istabbilimenti turistiċi, partikolarment dawk f’Għawdex li xi ftit jew wisq għadhom ibatu mill-istaġjonalità. Jekk is-soltu x-xitwa tkun diffiċli, wieħed jista’ jimmaġina din is-sena u dan irrikonoxxih mal-gazzetta ILLUM il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija (GTA), Joe Muscat, li ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda differenti u diffiċli.

“Jekk mhux se jkun hemm aktar għajnuniet, bħas-suppliment tal-paga, is-sussidju tal-kera u r-roħs fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma, se jkun hemm stabbilimenti li mhux se jżommu l-ħaddiema,” insista ċar u tond Muscat.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM dwar l-istaġun li deħlin fih, Muscat insista li anke jekk fix-xitwa l-istabbilimenti turisti Għawdxin dejjem ibatu xi ftit, kien hemm niċeċ turisti li xi ftit jew wisq kienu jimmitigaw l-istaġjonalità. Madanakollu, din is-sena, minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija, dan mhux se jkun il-każ.

“Ottubru kien ikollna l-opri. Din is-sena dawn mhux se jsiru. Tlifna l-istaġun operistiku,” saħaq Muscat waqt li fakkar li anke jekk l-opri huma popolari mal-Maltin, dan l-aħħar kienu qed jiżdiedu wkoll il-barranin li kienu qed jiġu apposta. Ma għandnix xi ngħidu, dawn kienu qed jieħdu f’Għawdex turisti ta’ kwalità li jħallu aktar flus. 

Muscat kompla jispjega kif matul ix-xhur tax-xitwa, Għawdex kien qed isir ukoll dejjem aktar popolari ma’ turisti anzjani, kemm dawk domestiċi u anke barranin, li jagħżlu li jqattgħu btala qasira, fosthom minħabba l-imxiet sbieħ fil-kampanja li l-gżira Għawdxija toffri.

“Kulħadd jaf li l-anzjani huma l-aktar nies vulnerabbli għall-pandemija u għalhekk dawn huma l-inqas li se jsiefru. Lil dawn tlifnihom ukoll,” kompla Muscat.

Mal-ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-GTA fakkar ukoll kif dan l-aħħar, anke permezz ta’ attivitajiet bħal Betlehem f’Għajnsielem u oħrajn, Għawdex kien qed isir popolari ħafna għall-btajjel tal-Milied. Lanqas dawn l-attivitajiet mhu se jkunu qed isiru din is-sena.

Insista li jekk is-sitwazzjoni t-tul, hemm ċans li jkun affettwat ukoll il-Karnival, li jattira lejn Għawdex mijiet, partikolarment żgħażagħ.

Joe Muscat
Joe Muscat

‘Kellna staġun frustranti ... nittamaw li kien ta’ darba’

Dan kollu mistenni jaffettwa lis-settur turistiku Għawdxi wara dak li Muscat sejjaħlu “staġun li kien diffiċli ħafna.”

Fakkar kif anke jekk l-istabbilimenti kienu miftuħa, dawn kienu affettwati mir-restrizzjonijiet fejn anke meta kien ikollhom domanda kbira, ma setgħux jakkomodaw klijenti kemm xtaqu.

“Kien staġun frustranti. Nittamaw li kien ta’ darba u fl-istaġun tal-2021 nkunu bdejna resqin lejn in-normalita.”

Mistoqsi jekk is-suq domestiku hux mistenni jtaffi xi ftit mis-sitwazzjoni, Muscat fakkar kif dan ħafna drabi huwa bbażat fuq żewġt iljieli biss fi tmiem il-ġimgħa.

Insista wkoll li l-maltemp jaffettwa ħafna lill-Għawdex. Fil-fatt, spjega kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-istabbilimenti rrapportaw ħafna kanċellazzjonijiet minħabba l-maltemp u r-riħ qawwi.

‘Issa ż-żmien li l-awtoritajiet iwieżnu lill-Għawdex’

Kien hawn li Muscat appella lill-Gvern biex fil-Baġit li jmiss jaħseb fl-istabbilimenti turisti Għawdxin waqt li insista li s-sostennibilità tas-settur se tiddependi ħafna mill-għajnuna tal-Gvern.

Fakkar kif Għawdex jiddependi mit-turiżmu ħafna aktar minn Malta u tul l-aħħar 50 sena, Għawdex dejjem ħadem biex ikabbar is-settur li wara kollox igawdi minnu l-pajjiż kollu.

“Nappellaw biex f’dan iż-żmien ta’ bżonn, l-awtoritajiet iwieżnu lil Għawdex. Bis-saħħa tal-għajnuna li kellna sa issa, ftit kienu dawk li keċċew il-ħaddiema. Nappellaw biex l-għajnuna tkompli,” insista Muscat.

‘Ma nistgħux nisparaw deċiżjonijiet’

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għar-Ristoranti u l-Lukandi (MHRA), Tony Zahra insista li anke jekk is-sitwazzjoni hija waħda diffiċli, jinsab ċert li l-pajjiż se jirnexxielu joħroġ minnha.

L-ILLUM staqsietu jekk għadux jemmen li mingħajr turisti, il-lukandi se jkollhom ikeċċu l-ħaddiema, anke għax minkejja li llum l-ajruport jinsab miftuħ, it-turisti huma ftit u x-xitwa li ġejja mistennija tkun aktar diffiċli.

Zahra wieġeb biss li din mhijiex sfida ta’ Malta biss iżda waħda globali u s-soluzzjonijiet għaliha mhux faċli.

Qal biss li anke jekk is-sitwazzjoni hija diffiċli, kieku l-ajruport jinsab magħluq, żgur li mhu se jiġi ħadd.

Huwa saħaq li għaddejja ħidma kontinwa, bejn il-partijiet kollha kkonċernati, biex Malta tkun aktar attraenti għall-pajjiż u ppromovuta bħala pajjiż sigur. Soluzzjoni li qed tkun diskussa hija t-tisħiħ tal-ittestjar fl-ajruport għat-turisti li ġejjin mill-pajjiżi Ewropej. 

Apparti minn hekk insista li Malta teħtieġ tippromwovi ħafna dak li jissejjaħ ‘individual travelling.” Insista li fix-xitwa, Malta kienet tkun popolari għall-konferenzi li jiġu organizzati fiha u insista li l-ħidma għadha għaddejja Malta tibqa’ attreanti għal dan it-tip ta’ turiżmu. 

L-appell tiegħu huwa biex kulħadd iżomm saqajh mal-art u biex kwalunkwe deċiżjoni ma tkunx waħda mgħaġla.

Mistoqsi jekk jinkwetahx il-fatt li fl-aħħar ġimgħat Malta rat żieda sostanzjali fil-każi, li waslet biex diversi pajjiżi jpoġġu restrizzjonijiet fuq is-safar lejn Malta, Zahra insista li anke jekk kien hemm żieda, kollox jindika li l-każi reġgħu qed jonqsu u dan meta dawk ta’ pajjiżi oħra għadhom telgħin.

“Aħna qegħdin aħjar minn pajjiżi oħra,” insista Zahra waqt li fakkar li waħda mir-raġunijiet għaliex Malta rreġistrat żieda qawwija fil-każi kienet minħabba l-isplużjoni ta’ każi fi djar tal-anzjani.

Kien hawn li saħaq li “ma nistgħux nisparaw id-deċiżjonijiet,” bil-President tal-MHRA jappella biex qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet jerġa’ jsir kif kien sar ftit tal-ġimgħat ilu, meta l-imsieħba soċjali kollha kienu ngħaqdu madwar mejda biex jiddiskutu.

“Qed naħdmu fil-qrib mal-istakeholders kollha u mal-awtoritajiet biex nassiguraw li l-ideat kollha u d-deċiżjonijiet importanti u meħtieġa jkunu implimentati,” temm jinsisti Zahra.

More in Politika