L-ammont massimu ta' persuni flimkien se jinżel minn 15-il persuna għal 10

Din il-miżura titħabbar hekk kif in-numri ta' persuni bil-Covid-19 baqgħu jiżdiedu anke jekk żdiedu ħafna dawk li qed ifiequ

Minn għada, il-Ħamis l-ewwel ta' Ottubru, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi grupp fi spazji pubbliċi se jonqos minn 15-il persuna għal 10 persuni.

Din il-miżura qed tidħol fis-seħħ wara konsultazzjoni mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika sabiex tkun limitata iżjed l-imxija ta’ COVID-19.

Dan ifisser li fi spazji  pubbliċi,  gruppi  ta’  aktar  minn  10 persuni għandhom ikunu projbiti inklużi fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali bejniethom.

Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza u qed titħabbar hekk kif il-każi attivi laħqu l-462, li fil-fatt huwa parti minn xejra 'l isfel hekk kif qed jiżdiedu wkoll dawk li jfiequ mill-virus. 

Fl-aħħar 24 siegħa Malta kellha 23 każ ġdid u 78 każ ta' persuni li fiequ. 

More in Politika