Swieqi, Ta' Xbiex, Ħal Balzan u Għawdex: L-aktar li fihom ivvutaw tesserati fl-ewwel jumejn

Fl-ewwel jumejn diġa' vvutaw aktar minn nofs it-tesserati eliġibbli li għandhom jivvutaw fis-Swieqi, Ta' Xbiex, Ħal-Balzan, Iż-Żejtun, Ħal-Tarxien, Tas-Sliema u Għawdex

Ritratt: Partit Nazzjonalista
Ritratt: Partit Nazzjonalista

Fl-ewwel jumejn ta' votazzjoni l-aktar li vvutaw tesserati kien fid-distretti nazzjonalisti - jiġifieri mit-tmien distrett 'l fuq.  Fil-fatt minn ċifri li għandu f'idejh dan is-sit jirriżulta li l-aktar li vvutaw kienu t-tesserati li kellhom jivvutaw is-Swieqi u li ġejjin ukoll mill-madwar - Tal-Ibraġġ, il-Madliena, San Ġiljan u Pembroke.  Hawnhekk fl-ewwel jumejn tal-votazzjoni , vvutaw 55.2% mill-1,077 tesserat eliġibbli. Din il-lokalità hija segwita minn  Ta' Xbiex u l-Gżira, fejn marru jivvutaw 54.6% mill-416-il tesserat Nazzjonalista. 

Dawn huma segwiti minn Ħal Balzan, Ħal Lija u Ħ'Attard fejn fl-ewwel jumejn ivvutaw kważi 53% mill-1,238 tesserat eliġibbli, filwaqt illi f'Għawdex, marru jivvutaw 52.6%.  Hawnhekk hemm eliġibbli 1,771 tesserat.

Qabżu l-50% wkoll dawk li vvutaw f'Ħal Tarxien (Santa Luċija Raħal Ġdid u Fgura) fejn hemm 1,209 tesserati, iż-Żejtun (Ħal Għaxaq u Gudja) fejn hemm 745 tesserat u Tas-Sliema - l-akbar lokalità f'termini ta' tesserati Nazzjonalisti  -  fejn hemm 1,288 tesserat.

L-inqas illi marru jivvutaw kien f'Ħal Luqa/Ħal Farruġ  u Ħal Qormi , fejn ivvutaw 40.3% mill-1,034 tesserat eliġibbli.  Post ieħor fejn ir-rata ta' votazzjoni għadha iktar baxxa hija fid-Dar Ċentrali fejn ivvutaw kważi 41% mill-1,961 tesserat eliġibbli u li ġejjin mill-Marsa, il-Ħamrun, Tal-Pietà, Santa Venera, Wied il-Għajn u Marsaxlokk.

More in Politika