Parnis taħt pressjoni kbira ... ilbieraħ il-PM b'messaġġ ċar lid-Deputati tiegħu

Sorsi differenti mill-Kabinett u l-Grupp Parlamentari Laburista jgħidu li Parnis jinsab taħt pressjoni kbira u qed jaqta' lura ... ilbieraħ ma attendiex il-Grupp Parlamentari u ma jweġibx mistoqsijiet tal-ILLUM dwar l-anzjani

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Silvio Parnis
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Silvio Parnis

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjani Silvio Parnis jinsab taħt pressjoni kbira minn djar tal-anzjani, qraba u anke fuq livell ta' Kabinett b'kollegi jisħqu illi qata' lura ħafna mill-ħidma tiegħu u li l-isfida kurrenti hija waħda li jaf qed isib diffiċli mmens.  

Iffaċċjat bis-sitwazzjoni ta' 11-il mewt, kollha ta' anzjani, minn nhar il-Ħadd li għadda - sitwazzjoni li qed tinkwieta lil ħafna - kif ukoll tal-imxija tal-Covid-19 fi Djar tal-Anzjani partikolari, Parnis qed ikun ġeneralment nieqes. 

"Jiena qed narah qata' lura, lanqas fil-Grupp Parlamentari ma kien preżenti ilbieraħ.  Vera, qalilna li kellu x'jagħmel.  Naħseb illi qed iħoss li din l-isfida hija kbira għalih u ma tantx naħseb li qiegħed kuntent," sostna wieħed mis-sorsi ta' din il-gazzetta.

Il bieraħ fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari il-Mexxej Laburista Robert Abela wissa li mhux se jaċċetta illi membri ma jmorrux il-Parlament jew inkella jmorru għall-ftit ħin u ħeġġeġ lid-Deputati kollha biex ikunu preżenti u jaqdu dmirhom bħala Deputati.  

Sorsi preżenti fil-Grupp Parlamentari tal-bieraħ sostnew illi l-PM kien pjuttost dirett, speċjalment ukoll fuq dawk li ma jattendux laqgħat tal-Grupp Parlamentari. 

Ilbieraħ, apparti Parnis, ma kinux pereżeneti l-Ministru Michal Farrugia u l-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat.

Intant sorsi oħrajn li jaħdmu viċin tas-Segretarju Parlmentari ikkonfermaw ukoll li Parnis qata' lura mill-ħidma u li jidher illi jinsab taħt pressjoni kbira. 

Mistoqsijiet li bagħtet din il-gazzetta lil Parnis baqgħu ma tweġbux għall-ġimgħa sħiħa, minkejja diversi tfakkiriet. 

Is-sorsi ta' din il-gazzetta sostnew illi hemm skuntentizza dwar il-fatt li Parnis assolutament ma huwa qed jidher imkien biex joffri serħan il-moħħ u li l-għotja ta' ħelu  lill-anzjani, filwaqt li kienet ġest sabiħ, spiċċat ġiet redikolata fuq il-midja soċjali għaliex hija ftit wisq meta wieħed iqis il-mewġa ta' mwiet fost l-anzjani u l-inkwiet li dan qed joħloq.

Matul din il-ġimgħa mietu 11-il anzjan, uħud minnhom fi djar tal-anzjani, li wassal biex ir-rata ta' mwiet ikkawżati mill-Covid-19 f'Malta huma fost l-ogħla fl-UE.  Dan kien ikkonfermat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u Kontroll (ECDC) li poġġa l il Malta fil-lista ta' pajjiżi ta' 'Tħassib qawwi' flimkien ma' sitt pajjiżi oħrajn. 

Fl-aħħar ġimagħtejn Spanja kienet qed tirreġistra tliet imwiet għal kull 100,000 persuna, ir-Rumanija 2.7 u Malta 2.2. 

Dan apparti rapporti fuq diversi gazzetti, fosthom fgil-gazzetta ILLUM, dwar is-sitwazzjoni f'San Vinċenz De Paule u Dar San Ġużepp fil-Fgura.  F'din tal-aħħar it-tmexxija kkonfermat din il-ġimgħa illi hemm b'kollox 113-il anzjan pożittivi għall-Covid-19 minn 278 u magħhom kien hemm ukoll 29 membru tal-istaff. 

Dan apparti li hemm cluster sostanzjali f'Casa Antonia u lbieraħ irriżultaw l-ewwel tliet każi f'Casa San Paolo.

Parnis ma weġibx il-mistoqsijiet li bagħtet din il-gazzetta li trattew informazzjoni ġenerali u numeriċi dwar dawn id-djar u s-sitwazzjoni in ġenerali.  Is-Segretarju Parlamentari bagħat biss stqarrija tal-Gvern u status ta' Facebook ta' Dar San Ġużepp. 


Dak li staqsiet il-gazzetta ILLUM ...

Il-gazzetta ILLUM staqsiet dawn il-mistoqsijiet:

  1. Tista' tipprovdili lista, dar b'dar ta' kemm hemm anzjani pożittivi bil-Covid-19?
  2. Kemm hemm carers fid-djar tal-anzjani li jinsabu fi kwarantina?
  3. Huma minnu li din is-sitwazzjoni wasslet biex diversi djar jinsabu understaffed? X'qed isir biex l-anzjani jibqgħu jirċievu l-kura?
  4. L-anzjani huma l-aktar vulnerabbli. Se jkunu qed jittieħdu miżuri ulterjuri fid-djar tal-anzjani? X'se jkunu?
  5. Anzjani li jkunu negattivi, se jibqgħu jinżammu fl-istess djar ma' dawk li jinsabu pożittivi?

More in Politika