Il-ftuħ tal-iskejjel tal-Istat pospost b'ġimgħa; Mhux it-tfal kollha se jidħlu l-iskola fl-istess jum

L-edukaturi kollha se jirritornaw lura fl-iskejjel fit-28 ta' Settembru li ġej

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li wara diversi laqgħat ġie deċiż li t-tfal u l-istudenti tal-iskejjel tal-Istat tal-età obbligatorja ma jibdewx l-ewwel ġurnata tal-iskola kollha fl-istess jum iżda minflok id-dħul lura fl-iskejjel jitqassam fuq medda ta’ jiem differenti, skont is-sena tagħhom.

Fil-fatt, il-Ministeru ħabbar li l-ftuħ tal-iskejjel se jkun pospost għas-7 ta' Ottubru. Dakinhar jidħlu l-ewwel studenti biex sal-14 ta’ Ottubru t-tfal kollha jkunu daħlu lura l-iskola.

L-ewwel ġurnata ta' attendenza għall-istudenti, għalhekk, se tkun differenti skont is-sena tagħhom. Il-ġenituri u l-kustodji se jkunu qed jirċievu informazzjoni dettaljata llum stess mill-iskejjel tagħhom.

Kif diġà tħabbar, l-edukaturi kollha se jirritornaw lura fl-iskejjel fit-28 ta' Settembru li ġej.  

Għall-perjodu ta’ bejn it-30 ta’ Settembru u t-13 ta’ Ottubru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tkun qed testendi s-servizz tagħha ta’ ‘Bridge Holidays’ għall-ħinijiet ta’ bejn is-7:00am u s-2:30p.m. fiċ-ċentri tagħha, bla ħlas. 

Fl-istess waqt, kif diġà tħabbar, b’effett mit-30 ta’ Settembru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tkun qed tibda toffri wkoll is-servizz ta’ Klabb 3-16, mis-2:30pm sas-6:00pm fiċ-ċentri tagħha.

Fl-istqarrija, il-Ministeru saħaq li l-għeluq tal-iskejjel minħabba l-Covid-19 wassal għall-ikbar impatt negattiv li qatt kien hawn fuq il-qasam edukattiv u għalhekk insista li huwa importanti li l-istudenti jirritornaw l-iskola. 

"Il-linji gwida għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, wara konsultazzjoni mal-Ministeru u mal-imsieħba fis-settur nhar it-2 ta’ Settembru 2020, jgħidu b’mod ċar li hu imperattiv li l-iskejjel jerġgħu jiftħu għas-sena skolastika li jmiss u li t-tfal għandhom jirritornaw għall-edukazzjoni tagħhom fl-iskola matul l-imxija tal-Covid-19, għaliex l-istudenti l-iktar li hemm ċans li jsofru dannu jekk ma jattendux l-iskola," insista l-Ministeru. "Aħna se nwettqu dan il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel."

Il-Ministeru fakkar li l-ġenituri u l-kustodji se jingħataw il-libertà sħiħa li jagħżlu jekk jibagħtux lit-tfal tagħhom l-iskola jew le u kulma għandhom jagħmlu hu li jinformaw lill-iskola bid-deċiżjoni tagħhom.

"Se nkunu qed nifhmu u nirrispettaw id-deċiżjoni ta' kulħadd u matul is-sena skolastika se nkunu wkoll qed nipprovdu lezzjonijiet pre-rekordjati fuq l-internet (online) bla ħlas," kompla l-Ministeru. 

L-MUT tilqa' l-posponiment tal-ftuħ tal-iskejjel għall-istudenti

Intant, aktar tard, l-MUT ħarġet stqarrija u saħqet li hi kienet talbet għal dan il-posponiment sabiex l-iskejjel ikollhom iċ-ċans jaġġustaw ruħhom għat-talbiet imressqa mill-protokoll u biex tagħti żmien ħalli jiġu solvuti kwistjonijiet pendenti.

"L-MUT tilqa' d-deċiżjoni li l-istudenti ma jibdewx kollha fl-istess ġurnata (staggered intake). Dan intalab mill-MUT waqt il-laqgħat li saru fil-ġimgħat li għaddew. Dan it-tqassim għandu jippermetti lill-iskejjel jikkontrollaw aħjar l-implimentazzjoni tal-protokoll u jaġġustaw il-prattiċi li qed jiġu adottati biex jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi u l-istudenti," tkompli l-istqarrija.

Il-perjodu li fih l-edukaturi sa jirrappurtaw fl-iskejjel qabel ma jibdew l-istudenti għandu jservi sabiex l-edukaturi jkomplu l-preparamenti tagħhom għal din is-sena skolastika, partikolarment dawk ta' natura kurrikulari u pedagoġika, kompliet tispjega l-MUT.

"L-implimentazzjoni tal-protokoll se jkollu impatt fuq ix-xogħol tal-edukaturi u għalhekk huma meħtieġa preparamenti u koordinazzjoni. F'dan is-sens ix-xogħol tal-MUT ser ikun essenzjali sabiex jiġu identifikati l-problemi speċifiċi mill-membri fl-iskola tagħhom ħalli jiġu indirizzati. Għal dan il-għan aktar tard illum l-MUT ser tniedi formola online sabiex timtela' mill-membri li fiha huma mħeġġa jgħaddu dan ir-rispons," kompliet l-istqarrija.

L-MUT ser tkun qed tosserva l-andament filwaqt li tassisti lill-iskejjel u lill-membri sabiex jiżguraw li l-iskejjel jadottaw il-miżuri mitluba dwar is-saħħa u s-sigurtà.

Il-Union ser tkun ukoll qed tidħol fin-nuqqasijiet direttament ħalli jiġu indirizzati qabel ma jibdew l-istudenti.

"L-MUT terġa' tisħaq sabiex il-Gvern jieħu azzjonijiet konkreti biex jikkontrolla l-pandemija. L-MUT kienet għamlet it-talba ripetutament fil-ġimgħat li għaddew u dan kien ukoll l-ispirtu tad-diskussjoni mal-imsieħba soċjali waqt il-laqgħa tal-MCESD. It-talba saret ukoll mill-MUT waqt il-laqgħa mal-Gvern aktar kmieni din il-ġimgħa," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika