'Naħseb li l-inkjesta damet wisq biex ingħalqet - Il-PM wara l-iffriżar tal-assi ta' Schembri

Insista wkoll li jwieġeb biss dwar dak li seħħ minn Jannar sa issa waqt li saħaq li l-Qorti, il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali qed jagħmlu xogħolhom tajjeb u mingħajr indħil

Il-Prim Ministru Robert Abela, meta mitlub jirreaġixxi għall-aħbar li ħarġet ilbieraħ dwar l-iffriżar tal-assi ta' Keith Schembri u Brian Tonna u jekk din kinitx deċiżjoni li kellha tittieħed qabel, insista li hu jwieġeb u jitkellem biss dwar dak li sar minn Jannar sa issa, jiġifieri minn meta sar Prim Ministru.

Abela saħaq li kemm il-Qorti, il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali qed jagħmlu xogħolhom tajjeb mingħajr indħil.

"Dan huwa l-pajjiż li nemmen fih jien. Nemmen f'pajjiż b'ekonomija b'saħħitha u b'governanza tajba," insista Abela.

Madanakollu, meta mfakkar li r-rapporti tal-FIAU dwar Keith Schembri u Brian Tonna ilhom li bdew ħerġin minn erba' snin ilu, Abela saħaq li jaħseb li l-inkjesta damet wisq ma ngħalqet iżda fl-istess waqt ma jistax jindaħal lill-Maġistrati fix-xogħol tagħhom.

"Nagħmel analoġija ma' dak li kkummentajt dwaru dwar l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Ma naqbilx li inkjesta, hi ta' liema xorta hi, għandha ddum daqstant żmien," kompla l-Prim Ministru.

Mistoqsi dwar l-Electrogas, l-Iskema taċ-Ċittadinanza u anke l-kuntratt tal-VGH, il-Prim Ministru saħaq li ma għandux problema li dawn ikunu investigati, kif sar, iżda insista wkoll li ma jfissirx li proġett jintrema għax hemm persuni li naqsu.

"Kemm il-proġett tal-Electogas u anke l-Iskema tal-Bejgħ taċ-Ċittadinanza b'Investiment, huma tajbin," insista l-Prim Ministru waqt li fakkar li bis-saħħa ta' proġetti bħal dik taċ-Ċittadinanza, il-Gvern seta' jgħin lin-negozji u lill-ħaddiema fiż-żmien tal-pandemija.

More in Politika