‘Tfal bla maskra mhux se ngħabbuhom ... importanti li l-ġenituri jikkoperaw magħna’

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-Koperattiva tal-Minibuses biex tifhem aħjar l-operat tagħha f’sena skolastika b’differenza li tinsab fuq l-għatba

 

(Ritratt) ILLUM
(Ritratt) ILLUM

Issa fadal ftit aktar minn ġimgħa biex l-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom u għalhekk it-tħejjijiet jinsabu fl-aqwa tagħhom. Bla dubju, it-trasport jibqa’ fost il-fatturi l-aktar importanti u għalhekk il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Koperattiva tal-Minibuses (COOP) li aktar minn qatt qabel qed tappella kemm lill-iskejjel u anke lill-ġenituri biex jaħdmu id f’id magħha.

L-ILLUM żaret l-uffiċini tal-koperattiva f’Ħal Qormi u sabet tim kbir ta’ nies jaħdmu fuq ir-rotot għall-istudenti hekk kif ix-xufiera jinsabu ħerqana biex jerġgħu jibdew jaħdmu, għax bħal ħafna, il-pandemija affettwathom ħażin.

“Sitt xhur bla paga mhux ċajta. Il-vann l-għixien tagħna. Kulħadd għandu l-familja,” qalulna.

Joe Barbuto, il-Maniġer tal-Koperattiva, saħaq mal-gazzetta ILLUM li bħal kulħadd, din il-pandemija laqtet lix-xufiera tagħhom bħal sajjetta fil-bnazzi iżda insista wkoll li fiż-żmien meta x-xogħol kien wieqaf, il-Koperattiva kienet bdiet tħejji lilha nnifisiha, lix-xufiera u l-vannijiet tagħha biex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jgħabbu lill-istudenti malli jinfetħu mill-ġdid l-iskejjel.

Kull xufier se jnaddaf il-vann wara kull vjaġġ

Ovvjament bħalma l-iskejjel se jkollhom jaddattaw l-operat tagħhom, l-istess kellha tagħmel il-Koperattiva.

“Ħafna mill-affarijiet mhux ġodda għalina għax ilna ħafna nagħmluhom. L-akbar bidla għalina u l-aktar li se taffettwa l-ħidma tagħna huwa l-fatt li wara kull vjaġġ, ix-xufiera se jkunu obbligati jnaddfu t-twieqi, is-seats, is-seatbelts u l-handles,” saħaq Barbuto, biċ-Chairperson tal-Koperattiva, Michael Grech, jinsisti li jekk xufier ikollu erba’ vjaġġi, irid jimsaħ u jnaddaf il-vann wara kull vjaġġ.

Fil-fatt, din hija l-uniku sfida li x-xufiera qed jaraw li se jkollhom għax-xhur li ġejjin.

Propju għalhekk li x-xufiera qed jappellaw kemm lill-iskejjel u anke lill-ġenituri biex jifhmuhom jekk jittardjaw ftit minuti. “Ċert li se jifhmuna. Wara kollox dan qed isir għas-saħħa tat-tfal.”

L-apparat għad-diżinfezzjoni tal-vetturi
L-apparat għad-diżinfezzjoni tal-vetturi

Kull vann se jkun iddiżinfettat darba f’ġimgħa

Apparti minn hekk, inxtraw magni biex darba f’ġimgħa, il-vannijiet kollha tal-Koperattiva jkunu jistgħu jiġu ddiżinfetti. Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM rat b’għajnejha kif se jkun qed isir dan il-proċess.

“Għandna mas-600 vann. Dawn se jiġu ddiżinfettati darba f’ġimgħa. Kull xufier se jibda jingħata booking fil-ġimgħa,” spjega s-Segretarju Justin Said. “Bejn id-disgħa u nofsinhar, wara l-ħamsa u anke s-Sibt ikun jista’ jsir l-iddinfettar.”

‘Il-Gvern lest iħallas biex naqsmu r-rotot u nużaw aktar vannijiet’

Hemm skejjel, partikolarment tal-Knisja, fejn ikollok kindergarten f’post u l-primarja f’post ieħor. Issa l-istudenti ma jistgħux jitħalltu fuq l-istess vann kif ġieli kien isir qabel. L-ILLUM staqsiet lit-tmexxija tal-Koperattiva kif dan kollu se jkun qed jaffettwa xogħolhom u jekk, wara kollox, hemmx biżżejjed vannijiet biex dan iseħħ.

“Aħna ġbarna lix-xufiera kollha hawn u ftehmu bejniethom biex kulħadd mar għal skola waħda. Fejn qabel kulħadd kien jgħaddi minn fuq xulxin u jiġbor żgħar u kbar fuq l-istess vann, issa ftehmu,” spjega Barbuto.

Kompla jisħaq li l-Gvern, min-naħa tiegħu, se jkun qed iħallas aktar għax fejn qabel kien jintuża vann, issa se jintużaw tnejn. “Il-Gvern qalilna ċar u tond: tikkonfondux, aqsmu r-rotot, użaw aktar vannijiet u se nħallas jien,” kompla Barbuto. 

‘Kull student se jkollu trasport’

Apparti minn hekk, hemm ukoll il-miżura tad-distanza soċjali fuq il-vannijiet. Ovvjament il-vannijiet mhux se jgħabbu daqskemm jesgħu. L-ILLUM reġgħet staqsiet lill-Koperattiva jekk hemmx biżżejjed trasport għall-istudenti kollha.

Barbuto spjega kif skont l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mill-awtoritajiet, fuq il-vannijiet jistgħu jgħabbu sa 80% tal-kapaċità, jiġifieri 20% inqas minn kemm jiflaħ jgħabbi vann. 

Insista li din ma kinitx problema għalihom għax kif spjegat aktar ‘il fuq, kienu ilhom li bdew iħejju għal din l-eventwalità. Fil-fatt, fi kliem Barbuto, qabel kien hemm kommunikazzjoni min-naħa tal-Gvern, il-Koperattiva kienet qed tbassar li l-vannijiet se jkunu jistgħu jgħabbu madwar 70% tal-kapaċità tagħhom.

“Kieku qalulna tridu tgħabbu sa 50% tal-kapaċità hemm iva kien ikollna l-problema. Imma bi 80% ninsabu mħejjija tajjeb. Aħna għabbejna lil kull min ibbukkja magħna. Kulħadd se jkollu trasport. L-inqas problema li kellna għax ħsibna għaliha minn qabel,” kompla Barbuto.

‘Kull student se jkun mitlub iżomm dejjem l-istess seat’

Mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici kien qal li x-xufiera se jkunu jistgħu jirrapportaw studenti li ma jkunux qed jobdu l-istruzzjonijiet u saħansitra dawn jistgħu jitilfu t-trasport. Dan mhux piż żejjed fuq ix-xufier?

“Dik sfida li jkollna kull sena. Dejjem kellna studenti li ma joqogħdux sewwa fuq il-vann u nirrapportawhom lill-iskola. Issa għandna direttiva biex min ma jkunx liebes il-maskra ma ngħabbuhx,” insista Barbuto.

Apparti minn hekk, kompla jgħid Michael Grech, l-istudenti se jkunu mitluba dejjem iżommu l-istess seat fuq il-vann. “Din mhux se tkun problema kbira, għax ġeneralment it-tfal kull sena jkollhom il-post tagħhom u allaħares min jeħodulhom.”

L-appell tax-xufiera huwa biex il-ġenituri u anke l-kapijiet tal-iskejjel jikkoperaw magħhom kemm jista’ jkun ħalli ma jinħelix ħin.

“Importanti li t-tfal ikunu lesti bil-maskri. Diġà għandna ħames minuti li fihom irridu nnaddfu l-vann. Ma nistgħux naqgħu iżjed tard u noqgħodu nistennew it-tfal ifittxu u jilbsu l-maskra. Anke l-kapijiet tal-iskejjel importanti li jifhmuna jekk naslu ħames minuti tard,” kompla jisħaq Barbuto. “Għandna 500 xufier. Avżajnihom. Tfal bla maskra mhux se ngħabbuhom.”

Anke minn se jitwassal mill-ġenituri, postu fuq il-vann jibqa’ garantit

Ix-xufiera fakkru wkoll li hemm ċans li t-traffiku se jiżdied għax hemm ġenituri li ddeċidew li jwasslu lit-tfal huma.

“Il-Gvern aċċetta li l-ġenituri jżommu l-post bbukkjat fuq il-vannijiet u xorta jkunu jistgħu jwassluhom huma l-iskola. Il-post ta’ dawn l-istudenti fuq il-vannijiet se jibqa’ dejjem hemm. Il-post tagħhom se jibqa’ garantit,” temmew jispjegaw ix-xufiera.

More in Politika