Appell biex titniżżel l-app 'Covid Alert Malta' li se tagħmel il-contact tracing aktar faċli

Permezz tal-app, Covid Alert Malta, persuna tkun infurmata f’każ li tkun għamlet ‘il fuq minn ħmistax-il minuta f’kuntatt qrib ma’ persuna li aktar tard tirriżulta pożittiva għall-virus

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci u anke l-Ministru Chris Fearne appellaw lil kulħadd biex iniżżel app ġdida li se tkun qed tgħin għall-contact tracing li huwa tant meħtieġ biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Permezz tal-app, Covid Alert Malta, persuna tkun infurmata f’każ li tkun għamlet ‘il fuq minn ħmistax-il minuta f’kuntatt qrib ma’ persuna li aktar tard tirriżulta pożittiva għall-virus.

L-app se tkun qed tuża l-Bluetooth mingħajr ma tiġbor informazzjoni personali, bħall-isem tal-persuna li qed tuża l-App.

Fi kliem sempliċi din l-App se tkun qed taħdem hekk:

  • Persuna tniżżel l-App. 
  • L-APP iżżomm id-dettalji ta’ mowbajls oħra li jkunu viċin tiegħek, jiġifieri inqas minn żewġ metri ‘l bogħod u li tkun għamilt aktar minn 15-il minuta ħdejhom.
  • F’każ li persuna, li tkun għamilt ħin twil viċin tagħha, tirriżulta pożittiv għall-Covid-19, din l-App se tkun qed tinfurmak li inti stajt kont espost għall-virus.
  • Dan ifisser li din taħdem ukoll meta inti ma tkunx taf lill-persuna li tkun irriżultat pożittiv, għax permezz tal-bluetooth, din iżżomm id-dettalji tal-mowbajls l-oħra kollha li jkunu viċin tiegħek għal aktar minn kwarta.
  • Jekk tkun innotifikat, għandek iżomm għajnejk miftuħa għal sintomi u anke titlob biex tagħmel it-test.
  • L-għan tal-App huwa li tgħin fil-contact tracing li huma importanti mmens biex tkun ikkontrollata l-imxija.
  • L-App inħadmet skont il-liġi tal-GDPR u hija tirrispetta totalment il-privatezza.

More in Politika