Il-virus jerġa’ jgħolli rasu fl-Ewropa u tikber ix-xewqa għall-vaċċin. Iżda fiex wasalna?

L-ILLUM b’ħarsa lejn l-iżvilupp tal-vaċċin kontra l-Covid-19 hekk kif il-virus reġa’ għolla rasu fl-Ewropa. Fadlilna biex insibu vaċċin? Liema kumpaniji jinsabu fi stadju avvanzat? Għaliex il-vaċċin huwa importanti? 

Il-Covid-19 għadu qed jiġri madwar id-dinja u fl-aħħar ġimgħat reġa’ għolla rasu mhux f’Malta biss iżda f’diversi pajjiżi oħra madwar l-Ewropa, inkluż Spanja u Franza u għalhekk kibret ix-xewqa li jkun żviluppat vaċċin malajr kemm jista’ jkun, għax diversi kienu dawk li issa rrealizzaw li qabel ma jkun hawn tilqima, il-ħajja ma tistax tirritorna għan-normalità.

It-testijiet qed isiru u hemm uħud mill-vaċċini li waslu fl-aħħar stadji tal-iżvilupp tagħhom iżda l-aħbar li ħarġet il-ġimgħa li għaddiet dwar il-vaċċin żviluppat minn AstraZeneca bi sħab mal-Università ta’ Oxford, uriet li t-triq mhijiex waħda sempliċi. Ta’ min ifakkar li Malta ħallset il-kapparra għal dan il-vaċċin. 

Dan il-vaċċin huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar li qed jipprometti u li x’aktarx joħroġ minn tal-ewwel fis-suq iżda t-testijiet fuqu kellhom jieqfu temporanjament hekk kif wieħed mill-parteċipanti, li qed jieħu sehem fl-esperimentazzjoni, ħassu ma jiflaħx wara li tlaqqam u kellu jiddaħħal l-isptar.

L-ewwel żewġ fażijiet tat-testijiet fuq dan il-vaċċin kienu suċċess.

Fil-fatt, dan il-vaċċin jinsab fit-tielet u l-aħħar stadju tiegħu, liema stadju jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ 30,000 persuna mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Brażil u l-Afrika ta’ Isfel. Normalment, din il-fażi tieħu snin iżda l-ġirja biex tkun ikkontrollata l-pandemija taf ittemm din il-fażi fi żmien xhur.

Kelliema għall-Università ta’ Oxford u anke għall-kumpanija tal-farmaċewtika AstraZeneca, insistew li din hija xi ħaġa normali li tiġri f’din il-fażi li tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ eluf.

Insistew li l-proċedura titlob li l-każ ikun investigat indipendentament u bir-reqqa biex ikun stabbilit minn xiex qed ibati dan il-parteċipant qabel ma jkunu jistgħu jkomplu t-testijiet skont id-deċiżjoni tar-regolatur mediku. 

It-tim saħaq li dan il-proċess juri kemm huma kommessi li l-vaċċin żviluppat ikun wieħed sigur għal kulħadd.

Dan huwa l-istess vaċċin li l-Virologu Malti Chris Barbara huwa ottimist dwaru. Ma’ TVM, Barbara saħaq li jekk dan il-vaċċin jgħaddi mit-testijiet kliniċi kollha, jaf ikun lest biex jibda jingħata f’Diċembru.

Huwa fiduċjuż li dan il-vaċċin ma jikkaġunax ħsara għax huwa bbażat fuq tilqima li diġà tiġi amminstrata għall-ħafna infezzjonijiet u viruses oħra.

Fil-fatt, wara ftit jiem, il-pazjent irkupra u t-testijiet komplew minnufih.

Għaliex huwa importanti l-vaċċin ta’ Oxford?

Il-vaċċin ta’ AstraZeneca u Oxford huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar importanti għax kif spjegat aktar ‘il fuq, jinsab fl-aħħar stadju tat-testijiet tiegħu.

L-ewwel testijiet li saru fl-ewwel u fit-tieni fażi wrew li dan il-vaċċin jista’ joħloq rispons immunitarju b’saħħtu biex jiġġieled il-virus.

Fil-fatt, f’Ġunju, l-Università ppubblikat ir-riżultati tat-testijiet tal-ewwel u t-tieni stadji. Il-vaċċin, imlaqqam ChAdOx1 nCoV-19 huwa magħmul minn virus immodifikat ġenetikament u li jikkawża l-irjiħat komuni fix-xadini.  

Fi kliem sempliċi, dan il-virus kien immodifikat (jiġifieri kellu l-istruttura ġenetika tiegħu mibdula) biex ma jkunx ta' ħsara għall-umani u biex dan "jidher" aktar bħall-Coronavirus. 

Il-vaċċin pprovoka dik li tissejjaħ Ċellola T  f'14-il jum minn meta ttieħed u ħoloq rispons ta' antibody fi 28 jum. Din hija tip ta' ċellola bajda (White Blood Cell) li hija parti mis-sistema ta' immunità f'ġisimna.  Din tattakka iċ-ċelloli infettati bil-Coronavirus. 

L-Unjoni Ewropea laħqet ftehim ma’ AstraZeneca biex tipprovdi 400 miljun doża jekk it-testijiet jagħtu riżultati pożittivi. Il-kumpanija qalet li kapaċi tipprovdi sa żewġ biljun doża.

Ta’ min ifakkar ukoll li AstraZeneca kienet waħda minn disa’ kumpaniji li qed jistudjaw l-iżvilupp ta’ vaċċin li nhar it-Tlieta ffirmaw “wiegħda storika” li japplikaw biss għall-approvazzjoni tal-vaċċin wara li jkunu konklużi għal kollox it-tliet fażijiet ta’ studji kliniċi u li jpoġġu l-ewwel u qabel kollox is-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min jirċievi t-tilqima. 

Il-kumpaniji ġganti Johnson & Johnson, BioNTech, GlaxoSmithKline, Pfizer, Merk, Moderna, Sanofi u Navavax ukoll iffirmaw din id-dikjarazzjoni.

X’qed jingħad dwar l-iżvilupp tal-vaċċin?

Din id-dikjarazzjoni “storika” saret wara l-kummenti tal-President Amerikan Donald Trump li fl-aħħar jiem iddikkjara li x-xewqa tiegħu hija li l-vaċċin ikun disponibbli qabel Novembru, jiġifieri qabel l-elezzjoni presidenzjali.

Dawn il-kummenti żiedu t-tħassib ta’ bosta li l-interessi politiċi se jirbħu fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-persuna u l-effettività tal-vaċċin.

Il-ġimgħa li għaddiet sar magħruf ukoll li ċ-Ċentru tal-Istati Uniti għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard ħeġġeġ lill-istati biex jikkunsidraw tnaqqis jew tneħħija ta’ ċertu rekwiżiti bil-għan li l-vaċċin ikun jista’ joħroġ sal-1 ta’ Novembru, jiġifieri jumejn biss qabel l-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta’ Novembru. 

Min-naħa tagħha, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) spjegat kif b’kollox hemm madwar 180 vaċċin differenti li dwarhom qed isiru t-testijiet madwar id-dinja. 

L-ebda wieħed minnhom għadu ma għadda mit-testijiet kollha kliniċi meħtieġa, bil-WHO tisħaq li mhux qed tistenna li l-vaċċin ikun approvat din is-sena għax il-proċess biex ikun assigurat li dan huwa sigur u effettiv jieħu ż-żmien.

Liema vaċċini oħra jinsabu fistadju avvanzat?

Apparti dak ta’ Oxford, hemm vaċċini oħra li temmew b’suċċess l-ewwel żewġ fażijiet u jinsabu bħalissa fit-tielet u l-aħħar fażi tat-testijiet.​

Moderna. Din il-kumpanija daħlet fi sħab mal-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa tar-Renju Unit. Fl-ewwel testijiet irriżulta li l-vaċċin li qed jiżviluppaw jipproteġi x-xadini mill-coronavirus. F’Marzu, il-kumpanija bdiet it-testijiet fuq l-umani u dawn ukoll ħallew riżultati pożittivi hekk kif anke hawn il-parteċipanti żviluppaw antibodies li nstabu f’ħafna mill-pazjenti li kellhom il-Covid-19 u fiequ. Hekk fl-aħħar ta’ Lulju, Moderna għaddiet għat-tielet u l-aħħar fażi li tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 30,000 persuna. Fil-11 ta’ Awwissu, il-Gvern Amerikan wiegħed lil din il-kumpanija biljuni ta’ dollari jekk tipprovdi 100 miljun doża tal-vaċċin li jkun sigur u effettiv.

BioNTech. Il-kumpanija Ġermaniża BioNTech daħlet f’kollaborazzjoni ma’ Pfizer, ibbażata fi New York u anke mal-kumpanija Ċiniża Fosum Pharma. F’Mejju, dawn bdew l-ewwel testijit fuq żewġ verżjonijiet tal-vaċċin. Fiż-żewġ każi, il-voluntiera li ħadu sehem żviluppaw Ċelloli T, li kif spjegat aktar qabel, huma importanti biex jiġġieldu l-virus. Wieħed minn dawn il-verżjonijiet ipproduċa ħafna inqas effetti sekondarji, inqas deni u inqas għejja fost il-pazjenti u għalhekk għadda għall-aktar fażi kruċjali ta’ testijiet. Anke f’dan il-każ, it-tielet fażi tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 30,000 voluntier mill-Istati Uniti u pajjiżi oħra, fosthom l-Arġentina, il-Brażil u l-Ġermanja. Għal dan il-vaċċin, l-Istati Uniti ffirmat kuntratt ta’ $1.9 biljun jekk din tipprovdi 100 miljun doża sa Diċembru u 500 miljun doża oħra wara. Anke l-Ġappun daħal f’kuntratt ma’ din il-kumpanija. Fl-aħħar jiem, il-Kap Eżekuttiv ta’ Pfizer qal li stampa aktar ċara dwar dan il-vaċċin mistennija sa Ottubru. Jekk ir-riżultati jkunu pożittivi, il-kumpanija qalet li kapaċi tipproduċi 1.3 biljun doża madwar id-dinja sal-aħħar tal-2021.

Wuhan Institute of Biological Products. Dan l-Istitut żviluppa vaċċin li l-kumpanija Ċiniża Sinopharm qed tittestja. Fl-ewwel u t-tieni fażi, l-istudji wrew li l-vaċċin ipproduċa antibodies fil-voluntiera. Uħud minnhom żviluppaw ftit deni u effetti sekondarji oħra meta mlaqqma. F’Lulju, it-testijiet għaddew għat-tielet fażi fl-Emirati Għarab Magħquda u aktar tard anke fil-Peru u l-Marokk. Iċ-Chairperson ta’ Sinopharm qal li potenzjalment dan il-vaċċin jista’ jkun lest għall-użu sal-aħħar tal-2020. L-istess kumpanija qed tittestja vaċċin ieħor żviluppat mill-Istitut għall-Prodotti Bijoloġiċi ta’ Beijing. Fl-Emirati Għarab Magħquda 5,000 persuna qed jirċievu l-vaċċin żviluppat mill-Istitut ta’ Wuhan u 5,000 oħra qed jirċievu dak żviluppat f’Beijing. 

Murdoch Children’s Research Institute. Il-vaċċin ta’ dan l-Istitut kien żviluppat snin ilu, madwar l-1900 bħala protezzjoni kontra t-tuberkolosi. Dan l-Istitut Awstraljan qed iwettaq testijiet fuq dan il-vaċċin, magħrufa bħala BRACE, biex ikun determinat jekk dan jistax ukoll jipproteġi parzjalment kontra l-coronavirus. 

Vaċċini li diġà bdew jintużaw...

Hemm vaċċini oħra li għalkemm l-istudji fuqhom għadhom għaddejin, dawn bdew jintużaw anke jekk b’mod limitat.

CanSino Biologics. Din il-kumpanija ċiniża żviluppat vaċċin bl-għajnuna tal-Istitut Bijoloġiku li huwa parti mill-Akkademja Militari għax-Xjenza Medika tal-pajjiż. F’Mejju, din il-kumpanija ppubblikat riżultati promettenti ħafna, wara li ġew fi tmiemhom il-testijiet fl-ewwel fażi. F’Lulju rrapportat li wara li t-testijiet għaddew għat-tieni fażi, il-vaċċin jidher li qed jipproduċi reazzjoni immunitarja b’saħħitha kontra l-virus. F’mossa bla preċedent, il-militar ċiniż approva dan il-vaċċin għall-użu limitat. CanSino qatt ma ċċarrat jekk it-tilqima hux se tkun obbligatorja jew le għas-suldati. F’Awwissu, il-Ministeru għas-Saħħa Sawdi ħabbar li din l-istess kumpanija se tkun qed twettaq testijiet fit-tielet fażi tal-proċess fl-Arabja Sawdija. Aktar tard fl-istess xahar bdew ukoll testijiet fuq parteċipanti mill-Pakistan.

Gamaleya Research Institute. L-aktar vaċċin li għamel ħoss huwa dak Russu. It-testijiet fuq dan il-vaċċin li qed jaħdem fuqu dan l-Istitut bdew f’Ġunju. Dan l-Istitut huwa parti mill-Ministeru għas-Saħħa Russu. Fil-11 ta’ Awwissu li għadda, il-President Vladimir Putin ħabbar li r-regolatur tas-saħħa Russu approva dan il-vaċċin li tlaqqam Sputnik V u dan qabel għadda għat-tielet fażi ta’ testijiet. Saħansitra insista li bintu stess ħadet dan il-vaċċin u żviluppat biss ftit deni. Esperti saħqu li din id-deċiżjoni hija riskjuża. Ftit wara r-Russja għamlet kważi kważi pass lura meta saħqet li dan kien biss “ċertifikat mogħti b’kundizzjoni” u li jiddependi fuq ir-riżultati tat-testijiet fit-tielet fażi. Dawn it-testijiet se jkunu qed isiru fost 40,000 parteċipant. Tliet ġimgħat wara d-dikjarazzjoni ta’ Putin, ir-riċerkaturi ppubbikaw ir-riżultati tal-ewwel żewġ fażijiet u saħqu li Sputnik żviluppa antibodies li jistgħu jissieltu l-coronavirus u dan bi ftit effetti sekondarji. 

Sinovac Biotech. Din il-kumpanija Ċiniża qed taħdem fuq vaċċin li tlaqqam CoronaVac. F’Ġunju din ħabbret li l-ewwel u t-tieni fażi ta’ testijiet kienu lesti. Fihom ħadu sehem 743 voluntier li żviluppaw rispons immunitarju bi ftit effetti sekondarji. F’Lulju, il-vaċċin għadda għat-tielet fażi fil-Brażil u aktar tard anke fl-Indonesja. Skont Reuters, il-Gvern Ċiniż ta lil dan il-vaċċin “approvazzjoni ta’ emerġenza,” biex jintuża b’mod limitat f’Lulju. Il-kumpanija tinsab fi ftehim mal-Gvern tal-Indonesja bil-għan li tipprovdu minn tal-inqas 40 miljun doża sa Marzu tal-2021.

Għaliex vaċċin huwa importanti?

Waħda mill-mistoqsijiet l-aktar komuni li qed issir hija għaliex hemm bżonn li jkun hawn vaċċin kontra l-Covid-19, meta dan ma jeżistix għal mard ieħor.

Ir-risposta hija sempliċi. Dan il-virus jinxtered malajr u l-maġġoranza tal-popolazzjoni tad-dinja għadha vulnerabbli għalih. 

Il-vaċċin jipprovdi protezzjoni għax dan isaħħaħ jew jipprepara s-sistema immunitarja tal-persuna biex tkun tista’ tissielet kontra l-virus ħalli din ma timradx jekk tiltaqa’ miegħu.

Meta dan iseħħ ikunu jistgħu jitnaqqsu l-miżuri, inkluż dawk tad-distanza soċjali. 

X’qed jingħad f’Malta?

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kkonferma li f’każ ta’ żvilupp ta’ vaċċin għall-Covid-19, Malta se jkollha allokati 330,000 doża.

Spjega kif dan se jfisser li Malta tkun fost l-ewwel pajjiżi li tirċievi l-vaċċin u li tkun tista’ tipproteġi lill-vulnerabbli u lill-frontliners.

Ikkonferma wkoll li fix-xhur ta’ wara mistenni jkun hemm biżżejjed dożi għall-poplu kollu.

Insista wkoll li l-vaċċin f’Malta se jkun qiegħed jingħata mingħajr ħlas.

Ta’ min ifakkar, li meta kienet intervistata mill-gazzetta ILLUM, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci kienet saħqet li l-vaċċin huwa l-uniku soluzzjoni.

“Dan huwa virus qattiel u jmarrad ħafna nies. L-uniku soluzzjoni biex tkun tista’ tmur lura għan-normal huwa l-vaċċin. Sakemm ma hemmx vaċċin irridu nibqgħu għaddejjin bil-miżuri ta’ distanzja soċjali,” kienet saħqet Gauci.

L-istadji li minnhom jgħaddi vaċċin...

Il-vaċċin irid jgħaddi minn diversi stadji.

Qabel l-ewwel fażi ta’ testijiet fuq il-persuni, il-vaċċin ikun eżaminet fil-laboratorju fejn ġeneralment isiru esperimenti li jinvolvu l-annimali.

Fl-ewwel fażi jibdew isiru testijiet fuq numru żgħir ta’ persuni biex ikun assigurat li huwa sigur u li jista’ jikkawża bidliet fis-sistema immunitarja. Fit-tieni fażi l-għadd tal-parteċipanti jikber u ġeneralment dawn ikunu maqsuma fi gruppi, bħal tfal u anzjani biex ikun determinat jekk il-vaċċin jaħdimx differenti skont l-etajiet. 

It-tielet fażi hija l-aktar waħda kruċjali għax it-testijiet isiru fuq eluf ta’ persuni biex ikun determinat jekk hux effettiv jew le.

Qabel ma jkun approvat, il-vaċċin irid itemm b’suċċess dawn l-istadji kollha.

More in Politika