B'kollox saru 1,367 spezzjoni f'postijiet pubbliċi dwar il-maskri li minnhom l-awtoritajiet ħarġu 113-il ċitazzjoni proprju għaliex il-persuna ma kinitx liebsa maskra.
Dan ħabbritu llum is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet li ssir darba fil-ġimgħa.
Fakkret illi din il-ġimgħa tħabbar illi fl-iskejjel dawk l-istudenti ta' etajiet bejn 3 u 11-il sena jilbsu maskri meta ma jkunux fil-klassi u dawk ta' aktar minn 11-il sena jilbsu l-maskri dejjem. Dawk ta' taħt it-tliet snin m'għandhomx għalfejn jilbsu maskri.
Hi qalet ukoll li saru 21,731 spezzjoni fi stabbilimenti biex ikun aċċertat li dawn qed isegwu r-regoli tal-iddistanzjar soċjali u numru ta' kundizzjonijiet oħrajn. B'kollox 36 stabbiliment ingħataw multa għax ma kinux qed isegwu r-regoli.
Finalment, dwar dan is-suġġett Gauci tgħid illi saru aktar minn 53,000 spezzjoni relatata ma' persuni li suppost kienu d-dar fuq kwarantina, b'167 multa tingħata lil dawk li ma kinux qed isegwu l-kwarantina u lil 25 persuna li rriżultaw fil-pożittiv għall-virus u li ma kinux qed issegwu kwarantina.