'Il-prostituti ma għandhomx jiġu kkastigati iżda min jixtri s-sess għandu jkun ippenalizzat' - NCPE

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza saħqet li pajjiżi li kkunsidraw ix-xiri tas-sess bħala leġittimu saru ċentru ta' traffikar uman u turiżmu għas-sess

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) qed tappella biex ir-riforma dwar il-prostituzzjoni tkun ibbażata fuq id-drittijiet umani u għalhekk filwaqt li l-prostituzzjoni tiġi dekriminalizzata, ix-xiri tas-sess ikun ippenalizzat.

Il-Kummissjoni qalet dan fi stqarrija hekk kif wasal biex jitlesta r-rapport tal-Kumitat Tekniku responsabbli minn din ir-riforma.

L-NCPE kkwotat il-Ġnus Magħquda li tagħmilha ċara li l-prostituzzjoni hija “inkompatibbli mad-dinjità u l-valur tal-persuna umana” u li l-pajjiżi għandhom “jiġġieldu kull forma ta’ traffikar tan-nisa u sfruttament tal-prostituzzjoni tan-nisa.”

L-istqarrija ddeskriviet il-prostituzzjoni bħala forma ta’ sfruttament fejn tispikka l-vjolenza fiżika u psikoloġika u eżerċizzju ta’ poter u kontroll mill-irigiel fuq in-nisa.

“Filwaqt li l-prostituti m’għandhomx jiġu kkastigati għaliex sofrew sfruttament, ix-xerrejja tas-sess għandhom jiġu ppenalizzati. B’hekk jitħarbat is-suq tas-sess u jintbagħat messaġġ b’saħħtu favur l-ugwaljanza bejn is-sessi,” insistiet l-NCPE.

Fakkret kif pajjiżi li nnormalizzaw il-prostituzzjoni u kkunsidraw ix-xiri tas-sess bħala leġittimu, raw it-twessiegħ tas-suq tas-sess b’żieda kemm fid-domanda kif ukoll fil-bżonn għall-provvista.

“Ir-riżultat kien li dawn spiċċaw kalamita għat-traffikar uman u ċentri għat-turiżmu tas-sess. Min-naħa l-oħra, pajjiżi bħall-Iżvezja li kkriminalizzaw ix-xiri tas-sess raw tnaqqis fl-industrija tas-sess u tnaqqis fit-traffikar uman - inqas domanda, inqas provvista,” kompliet tenfasizza.

Temmet tappella biex ir-riforma dwar il-prostituzzjoni għandu jkollha fiċ-ċentru tagħha l-prinċipji tad-drittjiet umani u l-ugwaljanza.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, koalizzjoni ta’ għaqdiet nazzjonali u internazzjonali appellaw ukoll biex ir-riforma ma tagħmilx legali ix-xiri tas-sess għax dan ibiddel il-pajjiż f’hub ta’ turiżmu għas-sess filwaqt li saħqu li l-kumitat tekniku huwa nieqes mill-esperti li ħadmu mal-vittmi tal-prostituzzjoni u t-traffikar uman.

More in Politika