‘Importanti li nirritornaw fil-klassijiet iżda l-inċertezza qed iżżid l-ansjetà’ - Għalliema mal-ILLUM

Xahar qabel jiftħu l-iskejjel, il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ diversi għalliema. X’jaħsbu? Għandhom jiftħu l-iskejjel? Jafu kif se joperaw? Fadal żmien biżżejjed biex jaddattaw? 

Diversi għalliema li l-gazzetta ILLUM tkellmet magħhom fl-aħħar jiem kollha kemm huma tkellmu dwar l-importanza li l-istudenti jerġgħu jirritornaw fil-klassijiet iżda fl-istess ħin insistew li ma jistgħux jifhmu kif xahar qabel jiftħu l-iskejjel, huma għadhom fl-għama dwar kif se jkunu qed joperaw.

“Inħossuna ftit mitlufa. Ma tantx qed inkunu ggwidati biżżejjed. L-uniku ħaġa li smajna hi li jista’ jkun li l-istudeni jirritornaw fil-klassi imma b’numri inqas, fejn ikun hemm nofs il-klassi preżenti l-iskola u n-nofs l-ieħor isegwi mid-dar u jalternaw,” saħqet waħda mill-għalliema.

Għalliema oħra tal-primarja saħqet li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-operat tal-iskejjel “qed iżid l-ansjetà,” kemm fost l-edukaturi iżda anke fost il-ġenituri.

Fil-fatt, kienet din l-istess għalliema li insistiet li għalissa, sakemm jerġgħu jinżlu n-numru, ikun aktar għaqli jekk l-iskejjel jibqgħu magħluqa. Saħansitra saħqet li l-ġenituri għandhom ikollhom l-għażla li ma jibagħtux lill-uliedhom l-iskola jekk ma jħossuhomx siguri.

Madanakollu, filwaqt li l-bqija tal-għalliema insistew mal-ILLUM li s-sitwazzjoni mhijiex l-aktar waħda ideali u jifhmu li forsi għadu mhux daqshekk sigur li l-iskejjel jiftħu, insistew li t-tagħlim fil-klassi ma jistax jingħata l-ġenb. 

“Għalkemm nammetti li jista’ jkun mhux daqshekk sigur li nirritornaw lura fl-iskejjel, nemmen li huwa bżonn li t-tfal imorru lura fil-kassi, b’xi forma jew oħra. Inħoss li diġà batew ħafna u se jkomplu jitilfu sew jekk jibqgħu biss id-dar,” saħqet għalliema tas-sekondarja.

Dwar il-protokolli, l-għalliema insistew li għandu jkun hemm “miżuri stretti” u li dawn jikkunsidraw l-aspetti kollha.

“Wieħed għandu jżomm f’moħħu li mat-tfal, speċjalment dawk ta’ età żgħira, diffiċli li tadotta ċertu miżuri. Dawn huma kollha aspetti li għandhom ikunu kkunsidrati qabel ma jinħarġu l-istruzzjonijiet,” kompla għalliem tal-ħames sena tal-primarja. “Ċert li l-għalliema kollha huma ħerqana li jidħlu lura fil-klassijiet, dejjem jekk jittieħdu miżuri li jħarsu s-saħħa ta’ kulħadd, li jagħmlu sens u li huma prattiċi.”

L-istess għalliema, saħqu li jekk l-iskejjel jiftħu, apparti li għandu jkun hemm protokolli ċari, jeħtieġ li jkun hemm spezzjonijiet regolari. “Fl-Italja, f’kull skola, se jkun hemm persuna responsabbli li tassigura li kulħadd qed jobdi l-protokolli,” insistiet għalliema.

‘Mhux ċajta li l-istudenti jkunu tilfu daqshekk materjal’

Anke jekk l-iskejjel jiftħu, is-sitwazzjoni bħalissa ftit li xejn hija stabbli u jibqa’ ċ-ċans li dawk ikollhom jerġgħu jagħlqu jekk il-każi jiżdiedu f’salt. Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-għalliema dwar dan ukoll u kollha saħqu li din se tkun sfida kbira.

“Mhux ċajta li l-istudenti jkunu tilfu daqshekk materjal minn kull suġġett. Għalkemm xi forma ta’ tagħlim sar u se jibqa’ jsir, anke jekk onlajn, kulħadd jaqbel li mhux l-istess bħal fil-klassi. It-tagħlim fil-klassi huwa ħafna aktar ta’ gwida għall-istudenti; mhux biss hemm il-kontenut imma anke l-interazzjoni ta’ bejn l-għalliema u l-istudenti ... li jsir kollox onlajn ma naraha xejn bħala ideali,” insistiet għalliema tas-sekondarja.

Tal-istess opinjoni kien għalliem tal-primarja li insista li jekk l-iskejjel jibqgħu magħluqa, jew jiftħu u jerġgħu jagħlqu, se tinħoloq sfida enormi u għalhekk saħaq li importanti li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex “kulħadd jibda jidhra dak li jkun ‘normal ġdid’ f’dawn iż-żminijiet li qed ngħixu fihom.”

Għalliema oħra rreferiet għal sfida oħra li tista’ tinħoloq jekk l-iskejjel jibqgħu magħluqa. “Ninkwieta dwar il-fatt li f’Marzu, meta komplejna l-lezzjonijet onlajn, kont naf sew lill-istudenti tiegħi. Jekk l-iskejjel ma jiftħux f’Settembru lanqas se nkun iltqajt imqar darba magħhom,” saħqet din l-għalliema li tgħallem l-ewwel sena tal-primarja.

Kompliet tispjega li kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, jekk l-iskejjel joqogħdu jiftħu u jagħlqu, dan se jkollu impatt dirett fuq is-saħħa mentali tal-għalliema, l-istudenti u qraba tagħhom.

L-għalliema mhux babysitters...

Fost l-għalliema li tkellmu mal-ILLUM kien hemm min appella biex l-għalliema ma jkunux meqjusa sempliċiment bħala babysitters li jżommu lit-tfal għax il-ġenituri ma jistgħux jibqgħu ma jmorrux għax-xogħol.

“Irid jinħoloq bilanċ jekk is-sitwazzjoni tkun vera waħda kritika u l-iskejjel ikollhom jibqgħu bil-bibien magħluqa jew jiftħu u jerġgħu jagħlqu ... ma ninsewx li ħafna mill-għalliema huma ġenituri wkoll u jekk l-iskejjel jibqgħu magħluqa se jkollhom ukoll lit-tfal tagħhom magħhom id-dar,” saħqet.

‘Bosta ġenituri huma mħassba ... hemm min ma setax jgħin lit-tfal’

Jekk kien hemm xi ħaġa pożittiva li ħarġet fl-aħħar xhur minn din is-sitwazzjoni kienet li l-għalliema żiedu l-kuntatt tagħhom mal-ġenituri. L-ILLUM staqsiethom x’qed jgħidulhom il-ġenituri

“Ħafna huma mħassba dwar ir-riskji li jista’ jkun hemm meta t-tfal jirritornaw l-iskola, iżda fl-istess ħin ma jistgħux jagħmlu mod ieħor peress li huma jridu jmorru għax-xogħol. Għalhekk tajjeb li l-protokolli jkunu ċari,” insista għalliem tas-sekondarja. 

Għalliema oħra tkellmet dwar kemm ġenituri sabu  ruħhom “f’sitwazzjoni sressanti” meta kellhom mhux biss ilaħħqu max-xogħol tagħhom imma anke jiggwidaw lill-uliedhom.

“Hemm min dan iċ-ċans ma kellux, jew inkella ma jafx kif jista’ jgħinhom u għalhekk inħoss li l-istudenti għandhom bżonn jirritornaw lura fil-klassi imqar għal ftit jiem mill-ġimgħa,” kompliet għalliema.

‘Ma ninsewx it-tfal vulnerabbli...’

L-għalliema fakkru wkoll li hemm tfal li huma vulnerabbli. “Għandi ġenituri li huma mħassba ħafna għax uliedhom huma vulnerabbli. Oħrajn huma inkwetati mmens għax uliedhom, minħabba l-kundizzjoni tagħhom, ma jistgħux jużaw is-servizzi li għandhom bżonn jekk l-iskejjel jibqgħu magħluqa,” insistiet waħda mill-għalliema.

Tal-istess fehma kien għalliem tas-sekondarja li tenna li aktar ma jkunu magħrufa kmieni l-protokolli u aktar ma jkunu ċari, l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri tagħhom jistgħu jħejju aħjar għal din is-sitwazzjoni bla preċendent.

Mistoqsijiet oħra li għamlu l-għalliema...

  1. Nafu kemm għandna studenti u għalliema vulnerabbli?
  2. Tfal żgħar ħafna kif se jżommu d-distanza soċjali?
  3. Fis-sekondarja l-istudenti jimxu minn klassi għal klassi skont is-suġġetti. Kif jista’ jkun li jżommu biss kuntatt mal-istess studenti?
  4. Min se jkun qed jieħu t-temperatura u jassigura li t-tfal iżommu d-distanza fuq it-trasport?
  5. U jekk ikun hemm każ pożittiv fil-klassi jew xi ġenitur ta’ student. X’se jiġri?
  6. U jekk klassi kollha tispiċċa kwarantina?
  7. Jekk għalliema timrad, min se jkun qed joħdilha postha?
  8. L-għalliema se jkunu jistgħu jieħdu materjal mingħand l-istudenti u viċi-versa, bħal kotba, pitazzi, homework etċ?
  9. Tfal se jkunu jistgħu jisselfu kotba mil-librerija?
  10. Kif se jintużaw riżorsi tal-iskola li normalment jintunżaw minn diversi studenti, bħall-kompjuters?
  11. Fil-break it-tfal se jibqgħu fil-klassi?

More in Politika