Għadd ta' għaqdiet iwissu lill-Gvern biex ma jkunx kompliċi fil-prostituzzjoni u t-traffikar uman

Koalizzjoni ta’ Għaqdiet qed tisħaq li l-kumitat li qed jipproponi l-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni huwa nieqes minn esperti fil-qasam

Koalizzjoni ta’ Għaqdiet lokali u internazzjonali, inkluż għaqdiet li jħarsu d-drittijiet tal-mara, saħqu li l-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni se tkun qed tinkoraġġixxi l-isfruttament u l-abbuż fuq persuni li jinqabdu fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni.

L-għaqdiet qalu dan fi stqarrija b’reazzjoni għal intervista li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianne Cutajar, tat ilbieraħ lil The Malta Independent.

L-istqarrija bdiet tisħaq li l-kumitat li qed jipproponi l-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni u li ssemmi l-istess Cutajar huwa nieqes minn esperti fil-qasam filwaqt li ħalla barra lill-istess koalizzjoni, fosthom għaqdiet tan-nies, professjonisti u anke esperti li ħadmu ma’ vittmi ta’ prostituzzjoni u traffikar uman.

L-għaqdiet qed jisħqu li minn dak li ġara f’pajjiżi oħra, kollox jindika li dan il-kumitat u l-approċċ tiegħu se jkun “rigal għat-traffikanti u dawk li jħaddmu n-nisa."

Il-koalizzjoni insistiet li dak li qed jipproponi l-istess kumitat jassumi li l-prostituti għandhom f’idhom l-għażla ta’ dak li jagħmlu, iżda fakkret li huwa fatt magħruf li l-maġġoranza ta’ dawk li jinsabu fl-industrija huma mġiegħla jew inkella huma skjavi u maqbuda f'din l-industrija.

“It-traffikar tas-sess huwa ħaġa waħda mal-prostituzzjoni u ż-żewġ kwistjonijiet ma jistgħux jiġu diskussi separatament,” saħqu l-għaqdiet. Fi kliemhom, ir-rakkomandazzjoni biex il-prostituzzjoni tkun legalizzata se tbiddel lil Malta "f’hub ta’ turiżmu għas-sess."

Għalhekk, l-għaqdiet temmew jappellaw lill-Gvern biex iż-żewġ kwistjonijiet ma jkunux diskussi seperatament filwaqt li wissewh li jekk se jillegalizza l-prostituzzjoni se jkun qed isir kompliċi f'din l-industrija u t-traffikar uman. 

More in Politika