‘Bis-saħħa tal-azzjonijiet tagħna, il-Gvern biddel id-diska ... iżda l-miżuri għadhom mhux biżżejjed’

Meta ħarġu bid-direttivi mhux il-pazjent bata? Jekk qed nagħmlu ħafna swabs mhux bilfors se nsibu ħafna każi? Dan l-imbierek virus qed innefħuh wisq? Għandhom jiftħu l-iskejjel? X’miżuri oħra għandhom jidħlu? L-ILLUM tintervista lil Martin Balzan, President tal-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lit-tobba

Martin Balzan
Martin Balzan

Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Martin Balzan, saħaq mal-gazzetta ILLUM li bl-aħħar miżuri restrittivi li l-Gvern daħħal fis-seħħ, fosthom it-twaqqif tal-attivitajiet tal-massa u ż-żieda fl-infurzar, il-każi ġodda ta’ COVID-19 ma komplewx telgħin iżda lanqas ma naqsu.

“Aħna t-tobba u l-esperti magħna, rajna kif bil-miżuri li ħa l-Gvern, in-numri ma baqgħux jiżdiedu iżda lanqas ma naqsu. Sew il-medja ta’ sebat ijiem u anke l-medja ta’ erbatax-il ġurnata ma niżlitx. Jekk nibqgħu hekk, jista’ jkun li jiġi l-Milied u jkollna l-istess numri,” insista Balzan.

Fi kliemu, il-problema hija li għad hemm ħafna nies jiġru barra u fosthom hemm persuni li ma jagħtux kas u dan minkejja li issa l-Gvern qed jagħti eżempju tajjeb u kemm il-Prim Ministru u anke l-Ministri qed jilbsu l-maskri.

“Hemm barra hemm ħafna nies. Normali wkoll. Kemm se ddum imsakkar ġewwa? Sakemm mort u lbist maskra u żammejt id-distanza dik ma fiha xejn ħażin. Iżda mhux jiġi tabib jgħidli li mar tieġ, kulħadd kien bilqiegħda u kif bdiet il-mużika kulħadd nesa kollox u qam jiżfen,” insista Balzan.

Kien għalhekk li Balzan insista li probabbilment, il-miżuri restrittivi ta’ bħalissa mhumiex biżżejjed.

Iżda l-gazzetta ILLUM fakkritu wkoll kif minkejja li l-każi żdiedu, ftit huma l-pazjenti li jinsabu fl-isptarijiet u anke hu rrikonoxxa li s-sistema tas-saħħa qed tlaħħaq ma’ kollox u kull min għandu l-mard qed jirċievi l-kura.

“Mill-banda l-oħra,” qabeż minnufih Balzan, “hemm 16-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea li poġġew restrizzjonijiet fuq is-safar lejn Malta. Sa issa, l-akbar daqqa ħadha s-settur tat-turiżmu,” kompla jispjega waqt li fakkar li l-MAM dejjem insistiet li s-saħħa u l-ekonomija ma jaħdmux kontra xulxin iżda jridu jimxu id f’id. “It-turiżmu ħa daqqa kbira mhux ħabba l-istrajk tal-MAM iżda minħabba n-numri li huma kbar. Irridu nniżlu n-numri.”

‘Kull min jidħol Malta għandu jagħmel test’

Propju għalhekk li l-MAM reġgħet qed tinsisti fuq il-proposta orġinali tagħha biex kull persuna li jaqbad ajruplan biex jiġi Malta, irid ikollu f’idu riżultat negattiv ta’ test li jkun għamel fis-72 siegħa ta’ qabel.

Balzan insista li random testing mhuwiex biżżejjed. “Bil-Maltin bilkemm qed inlaħħqu ... poġġiha fuq it-turist. Jekk ma jagħmilx it-test f’pajjiżu u jiġi xorta, jibqa’ kwarantina u meta jkollna ċans nagħmlulu swab. Jekk jagħmlu hawn, la huwa barrani, irid iħallas,” insista Balzan, anke għax fi kliemu din se sservi ta’ inċentiva biex turist minn jheddu jagħmel it-test f’pajjiżu.

Għal Maltin, kompla jispjega Balzan, għandu japplika l-istess prinċipju u kull Malti li jirritorna għandu jagħmel test minnufih jew inkella joqgħod fi kwarantina. 

Ma hemmx lista ħadra jew safra. Kulħadd irid jagħmel dan it-test. Aħna rridu nniżlu n-numri malajr kemm jista’ jkun biex dawn il-pajjiżi jneħħu r-restrizzjonijiet. Is-saħħa għandha bżonn l-ekonomija u viċi-versa

“Ma hemmx lista ħadra jew safra. Kulħadd irid jagħmel dan it-test. Aħna rridu nniżlu n-numri malajr kemm jista’ jkun biex dawn il-pajjiżi jneħħu r-restrizzjonijiet. Is-saħħa għandha bżonn l-ekonomija u viċi-versa. Aħna rajna l-ekonomija biss u nsejna s-saħħa. Issa rridu nitgħallmu minn dan l-iżball. Din mhux żball tal-Gvern tagħna biss imma kellha tkun xi ħaġa li titlobha l-Unjoni Ewropea,” insista Balzan.

Iżda l-gazzetta ILLUM fakkritu li ħdejn il-każi ta’ trasmissjoni lokali, dawk importati kienu ftit li xejn. “Iridu jiġu żero,” ħatafna fil-kelma. “Ma nistgħux nirriskjaw li jidħol każ wieħed. Każ wieħed huwa bħal suffarina li se tqabbadlek il-bosk kollu.”

‘Il-vouchers illum qed jistimulaw il-mard’

Proposta oħra li l-MAM qed tagħmel lill-Gvern hija biex id-data tal-iskadenza tal-vouchers tkun estiża sal-aħħar tas-sena u dan biex ma jkunx hemm għaġla biex dawn jiġu użati.

“Dawn il-vouchers kienu hemm biex jistimulaw lill-ekonomija. Illum qegħdin hemm biex jistimulaw il-mard. Kważi kważi l-Gvern kien joħroġ b’irħas kieku lir-ristoranti tagħhom il-flus,” kompla Balzan. “Bħalissa kulħadd moħħu biex jonfoq il-vouchers. Jekk id-data tkun estiża, in-nies se joħorġu meta jkunu moħħhom mistrieħ li mhux se jimirdu.”

Kien hawn li Balzan iċċara li mhux qed jgħid li r-ristoranti ħolqu xi problema, għax fir-ristoranti kulħadd bilqiegħda u bid-distanza soċjali, iżda insista li biex persuna se tmur f’ristorant, sakemm tasal se taqbad tal-linja, jew titla’ f’karozza ma’ persuni oħra u tiltaqa’ man-nies u hekk jikber ir-riskju.

“Ladarba n-nies se joħorġu, sakemm waslu f’ristorant jew waslu lura d-dar, hemm l-opportunità biex jinxtered il-mard,” kompla jispjega l-President tal-MAM.

Apparti dawn il-miżuri, il-MAM qed tiddiskuti miżuri oħra internament u li se tkun qed tikkomunika u tipproponi lill-awtoritajiet tas-saħħa u lill-Gvern bil-għan li jonqos ir-riskju tat-tixrid tal-virus.

Balzan insista biss li kull meta l-Gvern jiddeċiedi li jagħlaq xi negozju, irid ikun hemm biex jgħin u jagħti kumpens, inkluż lill-clubs u anke lid-diskoteki.

“Żgur li s-suppliment tal-paga għalissa trid tibqa’,” kompla jisħaq Balzan. “Żgur li qabel l-aħħar ta’ Settembru din mhux se tkun problema solvuta. Jekk għamel id-defiċit, jagħmel defiċit akbar. Jekk hemm bżonn juża l-flus tal-passaporti.”

‘Biex jiftħu l-iskejjel iridu jonqsu l-każi’

Xahar ieħor jiftħu l-iskejjel. X’inhi l-pożizzjoni tal-MAM? “Jiena naqbel li l-iskola hija fundamentali iżda biex jiftħu l-iskejjel, il-Gvern, minn issa, irid jieħu jieħu miżuri biex inaqqas il-każi,” insista Balzan.

Dawn il-vouchers kienu hemm biex jistimulaw lill-ekonomija. Illum qegħdin hemm biex jistimulaw il-mard. Kważi kważi l-Gvern kien joħroġ b’irħas kieku lir-ristoranti tagħhom il-flus

Saħaq li jekk dan mhux se jseħħ u l-iskejjel jiftħu, wara ftit se jfeġġ każ f’xi skola, ikollha tagħlaq l-iskola għax kulħadd jispiċċa kwarantina u tinħoloq sitwazzjoni fejn min qed jirċievi edukazzjoni u min le.

“Hija xi ħaġa essenzjali li l-iskejjel jiftħu ... imma bil-miżuri li għandna l-każi mhux jonqsu. Il-Gvern dawwar it-tmun. Il-Gvern qed jisma’, iżda l-każi għadhom mhux qed jonqsu,” tenna.

‘Anke minn mhux membru tagħna obbda d-direttivi’

L-ILLUM tkellmet ma’ Martin Balzan dwar il-kritika li tirċievi l-MAM, inkluż mill-Prim Ministru, li titkellem f’isem it-tobba kollha meta din hija sempliċiment unjin.

“Se nwieġbek b’fatt. Meta ordnajna l-azzjonijiet, tista’ tgħid li kulħadd obdihom. Waħdiet kien hemm,” insista Balzan.

Fakkar li l-MAM għandha madwar 950 membru. Spjega li jekk tgħodd it-tobba tal-privat, f’Malta hawn mal-1,200 tabib. “Ftit hawn unjins li għandhom rappreżentanza kbira hekk ta’ settur ... meta għamilna azzjoni, anke min mhux membru segwihom,” insista.

L-Italja kellhom diżastru iżda t-tobba tagħhom ma strajkjawx...

Il-gazzetta ILLUM fakkret ukoll lil Balzan dwar id-diżastru li kien hemm u għad hemm f’diversi pajjiżi, inkluż fl-Italja. Minkejja dan, it-tobba tagħhom ma strajkjawx u baqgħu hemm mal-pazjent. Bl-azzjonijiet tal-MAM mhux il-pazjent bata?

Martin Balzan insista li f’Marzu li għadda, Malta kienet ippreparata, kontra t-Taljani li fi kliemu lanqas kienu jafu x’laqathom.

“Imnalla kienet tkellmet il-MAM. Qabel dehru n-numri, il-MAM u l-professjoni medika kollha, kienu qed jappellaw biex jiddaħħlu miżuri. Il-Gvern sema mill-esperti u Malta kienet ippreparata. Allura kellna suċċess,” insista Balzan. 

Ġara, kompla jispjega Balzan, li f’Ġunju l-Gvern waqaf jieħu l-pariri tal-esperti, beda jieħu l-parir tal-MHRA u wassal il-messaġġi li “l-gwerra għaddiet” u li “l-mewġ qiegħed fil-baħar.” Fi kliemu, l-islogan sar: “we are open for business.”

“L-ebda pajjiż fid-dinja ma għamilha din. Aħna għidnilu qabel fetaħ l-ajruport. Tajnih il-pariri tagħna. Ridna nippromwovu l-kunċett ta’ ‘Safe Island,” insista Balzan.

Għalhekk fakkar kif l-appell tal-MAM dejjem kien biex kull min jiġi Malta, ikollu f’idu test negattiv. 

“Fis-suq turistiku bħalissa hemm aktar nies kawti milli cowboys. Jekk inti turi li inti pajjiż kawt u attent, se jiġu aktar turisti. Mhux talli ftaħtna talli kien hemm erba’ festivals li ħadd ma riedhom u morna niġru aħna warajhom. Ftaħna beraħ u lin-nies għidnilhom li għadda kollox,” insista.

‘Din id-darba ma konnix ippreparati...’

Kien hawn li Balzan insista li din l-attitudni waslet biex in-numri splodew f’ġimgħatejn u Malta sabet ruħha dahra mal-ħajt għax ma kinitx ipprepata biżżejjed.

“Ma kienx hawn biżżejjed swabbing. Il-contact tracing ma laħħaqx. Ma kienx hemm nies biżżejjed għalihom ... Daqskemm konnha ppreparati l-ewwel darba, din id-darba sibna ruħna darna mal-ħajt. Il-bilanċ importanti bejn is-saħħa u l-ekonomija ntilef,” insista.

Allura ma stajtux ipprotestajtu qabel mhux wara li feġġew il-każi?

Iżda l-ILLUM staqsietu għaliex ipprotestaw wara li splodew il-każi. Jekk ma ridux l-attivitajiet tal-massa, ma setgħux għamlu dan qabel?

Martin Balzan saħaq li l-MAM u anke diversi assoċjazzjonijiet mediċi, affiljati magħha, kienu ilhom mill-bidu ta’ Lulju jwissu lill-Gvern fil-privat kontra l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-massa, fost oħrajn.

“Għamilniha ċara li konnha qed nilagħbu man-nar. Meta feġġew l-ewwel każi, ħriġna fil-pubbliku. Kien hawn biss xi ħames każi kuljum, iżda kont tisma’ l-ħin kollu dwar parties li qed isiru. Kien hawn il-kundizzjonijiet ideali biex il-virus jisplodi,” insista Balzan.

Meta l-Gvern baqa’ ma semax, Balzan saħaq li l-MAM ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li tieħu azzjonijiet. 

“Mhux se ninħeba wara subgħajja. L-ewwel għan tagħna huwa li nipproteġu lill-membri tagħna u lill-familji tagħhom. Din tista’ ssir biss jekk inti tipproteġi l-poplu kollu,” kompla Balzan waqt li saħaq li ħasra li l-Gvern beda jisma’ biss meta l-każi splodew.

Imma jekk qed isiru ħafna swabs, mhux bilfors se nsibu aktar?

L-ILLUM insistiet ma’ Balzan li n-numri żdiedu iżda żdiedu wkoll l-għadd ta’ swabs li qed isiru. Mhux bilfors se nsibu aktar?

Balzan saħaq li dan l-argument, li qed isir minn bosta, huwa “fażżul,” għax fi kliemu, tagħmel ħafna testijiet mhux biex issib aktar każi iżda biex tnaqqashom.

“Mhijiex xi ħaġa proporzjonali. Ħafna testijiet isiru minħabba dak li jissejjaħ contact tracing. Jekk ħaddiem ħareġ pożittiv, isiru testijiet lil dawk li jaħdmu miegħu. Aktar ma tagħmel testijiet, aktar se tnaqqas it-tixrid. L-iswabbing iżomm il-marda milli tinfirex,” kompla Balzan.

Fil-fatt, il-President tal-MAM saħaq li bil-kunsens tal-Assoċjazzjoni nqalgħu 30 tabib minn Mater Dei biex jgħinu fil-contact tracing għax ma kienx hemm biżżejjed riżorsa.

“Jekk f’party kellek 700 ruħ u jekk kulħadd kellu 10 kuntatti, trid tikkuntatja 7,000 persuna,” spjega Balzan.

Imma dan il-virus qed inkabbruh wisq? Mhux aktar qed ifiequ milli jmutu?

Huwa fatt li f’Malta, ir-rata tal-imwiet mill-COVID-19 hija waħda baxxa. Fiequ mijiet u anke jekk splodew il-każi, fl-aħħar ġimgħat Malta kellha biss żewġt imwiet u dan minkejja t-twissija tal-MAM li l-isplużjoni fil-każi se żżid ir-rata ta’ mortalità mill-virus. Dan il-virus qed inkabbruh iżżejjed?

Balzan beda jisħaq li għall-attivitajiet tal-massa li saru fl-aħħar xhur, attendew l-aktar iż-żgħażagħ u dawn ikollhom l-akbar reżistenza għall-marda.

“Fost dawn iż-żgħażagħ hemm Maltin. Ħafna żgħażagħ Maltin jgħixu ma’ ommhom u missierhom. L-omm tmur tara lin-nanna. Aħna l-Maltin ngħożżu ħafna l-familja. Niltaqgħu ħafna ma’ xulxin. Qabel ma jaqbad lill-aktar vulnerabbli u lill-anzjani, jiġifieri sakemm ir-rata titla’ fil-ġenerazzjonijiet, jgħaddu sitt ġimgħat,” insista Balzan.

Madanakollu rrikonoxxa wkoll li kollox jindika li fin-naħa ta’ isfel tal-Mediterran, inkluż fin-naħa ta’ isfel tal-Italja, dak li jissejjaħ il-case-fatality-rate, huwa baxx. 

Balzan spjega kif f’Malta, ir-rata ta’ dawk li jmutu bil-virus, meta mqabbel mal-għadd tal-każi, hija ta’ mewta minn kull 70 każ. Fit-tramuntana tal-Italja, ir-rata kienet ta’ mewta minn fost kull għaxar każi.

“Dan ma jfissirx li għandna nserħu rasna. Kull mewta tibqa’ mewta. Ma tistax tispekola fuq l-imwiet. Bħalissa hemm tliet pazjenti fl-ITU,” kompla Balzan.

Pazjent minn kull għaxra qed jibqa’ jtabbab...

Mill-banda l-oħra, Balzan spjega wkoll li pazjent minn kull għaxra, speċjalment dawk li bil-COVID-19 ikollhom jidħlu l-isptar, qed ikollhom riperkussjonijiet ta’ saħħa wara.

“Wieħed minn kull għaxra qed jibqa’ jtabbab,” saħaq Balzan. “Ma tistax tħares biss lejn ir-rata ta’ mortalità iżda anke lejn il-keded li qed jieħu l-pazjent."

Ħadd ma jista’ jgħid ‘we are open for business’

Kien għalhekk li Martin Balzan insista li sakemm ikun hemm vaċċin, ħadd ma jista’ jgħid li “we are open for business.”

Fi kliemu, minkejja l-kritika li rċeviet, bis-saħħa tal-azzjonijiet tal-MAM, il-Prim Ministru u l-membri tal-Kabinett issa biddlu d-diska.

“Hawn kuxjenza kbira mill-Gvern biex nippromwovu n-normalità ġdida. L-azzjonijiet tagħna ħallew effett,” temm jgħid Balzan.

More in Politika